Categories
Divorce

A Mullah's Apologia

The persons behind Divorzistan sent J’accuse this letter which they are describing as “the CounterPastoral of the Mullah”. Thanks to Divorzistan (among others), the weak Maltese thread of satire has found a new lease of life and in some instances a new form of expression well beyond the accepted frontiers that were the goalposts until now. In this final half-defence of his/her work the Mullah (whose identity we cannot uncover on pain of beheading) pulls a serious note out of his/her repertoire of tricks and slideshows. Here goes:
***

Il-KontroPastoral tal-Mullah

Ħbieb, wasal iż-żmien li ninżgħu ftit il-maskra. Ma jfissirx li ser jinkixef il-moħħ ta’ Divorzistan min hu, għax ċuċ sa barra m’inix.

Divorzistan bdiet bħala ċajta – il-bżonn irrefrenabbli li nidħak daħka bil-messaġġi apokalittiċi, paranojċi u beżgħana tal-moviment li jgħid ‘Le’. (Il-‘Le’ jinkludi Żwieġ Bla Divorzju, il-Knisja, il-Partit Nazzjonalista jew aħjar partijiet minnu, il-moviment ta’ dak l-eżaġitat li jħobb ixejjer il-Bibbja, il-“moviment” Le B’Rispett Lejn il-Ġejjieni, et cetera).

M’hawn ebda dubju li jien u dawk kollha li għafsu l-buttuna ‘Like’ fuq il-paġna tagħna huma favur id-divorzju. M’għandi ebda dubju lanqas li ħafna nies li raw il-billboards tagħna daħku daħka jew għallinqas, apprezzaw l-ispirtu li hemm warajhom. Daħħkuni wkoll il-kontribuzzjonijiet tan-nies – li inkludew lil Bin Laden moħbi wara l-billboard li hemm tas-Sliema (vittma ta’ xi miljun karikatura), lil Montesin, lil Lino Banfi, u mbagħad kellna Star Wars, lil Tonio Fenech vittma tiegħu stess, u ovvjament ħafna karattri mill-kamp tal-Le. Il-favoriti personali tiegħi ħa nsemmiehom fuq fuq: Beckham (suċċess mhux mistenni), il-famuż Jekk Jidħol id-Divorzju togħla l-Vitella, Angelik u Olio Cuore, u finalment it-teorija ta’ l-Evoluzzjoni ta’ l-argumenti tal-Le – billboard satiriku li ma tantx idaħħak, għax ħa kelma b’kelma dak li ntqal s’issa.

Issa wasal il-mument li nagħtu l-aħħar spinta, mhux il-mument li nibqa’ nitkellem fit-tielet persuna kif nagħmel is-soltu fil-manjiera ironika ta’ Divorzistan. Wasal il-mument tas-serjeta – u napprezza kemm hi diffiċli tkun serju wara li għal erbgħa ġimgħat sħaħ inbixt u tmellaħt b’dak kollu li ntqal f’din il-kampanja assurda u assurdista.

Kieku kienet elezzjoni ġenerali, ma kontx nagħmilha żgur; imma din id-darba l-għadu huwa kbir, b’saħħtu, wiesa’ bi spallejn daqs travu; iżda huwa ukoll arroganti, Stalinist u fuq kollox, ma jaħmilx lil min mhux bħalu. Jhedded u jfajjar bl-addoċċ, ikeċċi lin-nies minn fuq il-post tax-xogħol, jitfa’ il-ġebla u jaħbi idu; għandu mod uniku kif jiġġustifika kollox u jħobb iżeffen fin-nofs il-mistiku, lil dak Alla li ħafna minna jemmnu fih iżda li mid-dehra huwa propjeta’ esklussiva ta’ dan l-għadu tagħna.

Għadu li għandu poter fid-djar u fil-knejjes, fil-kaxxa tal-posta miżgħuda b’imbarazz differenti fosthom il-Bargain, għadu li minn fejn jagħmel tattika ta’ bumbardament kontinwu. Bumbardamenti, Pastorali, biża, Stukas, theddid. Il-video ta’ Hitler li għamilt ftit ġimgħat ilu llum narah bħala xi ħaġa ta’ dinja oħra, donnhom użaw it-tattika ta’ Goebbels biex ipattu għal naqra ironija dwar Pierre Cordina.

Divorzistan mexxa l-kampanja online, u donnha ħadmet. Spiċċajna saħansitra fit-Times avolja ma ndunawx li aħna. Imma rridu nagħrfu li dan l-għadu tagħna jisfrutta lil min, minħabba raġuni jew oħra, m’għandux mezz biex jara l-messaġġi tal-IVA online. Jidħol f’darhom permezz ta’ fuljetti u jtanbrilhom fuq ir-radju. Jheddidhom fl-omelija.

Meta JPO ilbieraħ semma “Terroriżmu Spiritwali” ħadli espressjoni li kont ser nestendi għal “Terroriżmu Emozzjonali” – il-famuża “Jekk jidħol id-Divorzju…”.

S’intendi għandhom ħafna flus x’jonfqu, hemm xi ‘benefattur’ li għandu għal qalbu ‘l-patrimonju tas-soċjeta Maltija’ li intom, ħbieb isseparati tiegħi, qed jgħidulkom biċ-ċar li ma jridukomx fih.

Dan kollu aħna ma nistgħux nagħmluh, u ma rridux nagħmluh lanqas – mhux sabiħ nbeżżgħu, mhux sabiħ inwerrċu lin-nies b’tgħawwiġ ta’ fatti u lingwa legali.

Madankollu dan ma jfissirx li ma nistgħux nirribattu, persuna ma’ persuna, dan l-attakk meskin tal-konservattivi u t-tattika tat-terrur.

Sempliċiment, irridu ngħinu sabiex joħorġu jivvutaw in-nies favur id-divorzju. L-apatija li taw is-surveys ser taħdem kontrina: irridu negħlbuha. Kull familja, kull qarib, kull kuġin, kull vot – huwa vot għal soċjeta fejn l-imħabba ma tibqax dominju tal-Knisja, iżda jkollha drittijiet ukoll mingħajr ma jkun hemm stigmatizzazzjoni tagħha.

Dil-kelma fid-dibattitu ħadd ma tkellem dwarha: l-imħabba. L-imħabba m’għandhiex ikollha ħitan jew konfini. L-imħabba li terġa’ tinbet hija dak li l-Moviment tal-Le ma jridx.

Ejjew naħdmu għal soċjeta li trid tħobb.

Enhanced by Zemanta
Facebook Comments Box