Categories
Festschrift 2012

alex vella gera – il-kriżi u kif tegħlibha

The name may now be associated with controversy, much to his chagrin, but when alex vella gera hit the blogosphere it was “erezija” (heresy). Weird, eccentric and for a very long time I thought it was too far-fetched to be real. You discover Alex when you learn to discover his reflections and observations. I’d say childlike without meaning any disrespect. Honest in their down-to-earthness and contemporaneously angry and relaxed. I still value “Mill-art” as one of the greatest blogging brainwaves from blogosfera mmv…

Ereżija u l-kriżi

Billi għandi fissazzjoni fuq dati u l-kronoloġija ta’ avvenimenti f’ħajti, u l-mod kif jinħolqu mill-ġdid bħala tifkiriet, għandi memorja kważi fotografika ta’ ċerti żminijiet li għext meta jew kont fl-apiċi ta’ perjodu feliċi jew għall-kuntrarju, kont fl-eqqel ta’ kriżi personali. F’Marzu 2005 naħseb kont qed ngħix taħlita tat-tnejn. Minn lat wieħed kont tabilħaqq għaddej minn kriżi ta’ identità u iżolament, iżda fl-istess ħin kien żmien sabiħ ħafna wkoll, l-iżjed għax kien il-mument meta skoprejt il-blogosfera, li b’xi mod tatni opportunità biex niffaċċja l-kriżi tiegħi u neqlibha rasha ’l isfel. Għalhekk, wara xi jiem naqra l-bloggati tal-ewwel bloggejja Maltin, tħajjart nibda blogg jien ukoll, għalkemm ma tantx kelli fuq xiex nitkellem u nikteb, u lanqas biss kelli idea xi jkun blogg veru u proprju.

Ma domtx ma bdejt niskopri li bi blogg f’daqqa waħda kelli f’idi għodda eċċellenti biex inġagħal lili nnifsi nħossni importanti, maħbub, magħruf, apprezzat. Kienet illużjoni li mietet mewta twila u patetika, iżda kienet sabiħa, speċjalment fil-bidu. Ngħid għalija, jiena rari rnexxieli nittraxxendi l-ġibda kbira li għandu blogg għal min hu “navel gazer” bħali, u allura ma tantx inqis lili nnifsi minn ta’ quddiem fl-ewwel epoka tal-blogosfera Maltija, ħlief għal xi bloggati rari, bħal meta ktibt dwar il-funeral ta’ Julian Manduca. Iżda kien hemm bloggejja oħra li taw kontribut siewi. Jiġuni f’moħħi l-bloggati ta’ Mark Vella, u l-ħlewwa li biha Antoine Cassar wera l-entużjażmu tiegħu għall-Malti u l-możajki li kien beda jikteb, u l-eżerċizzji intellettwali ta’ Kevin Saliba, u nista’ nsemmi oħrajn bħal Sandro Zerafa, Oliver Degabriele, Jacques Zammit, Immanuel Mifsud, Patrick Galea, Kurt Buttigieg, Ġużè Stagno, anke Mario Vella (tal-Brikkuni) u l-lista tkompli.

Nimmaġina li nies oħra se jiktbu dwar l-importanza tal-blogosfera fil-ħajja soċjokulturali ta’ ċertu grupp ta’ nies Maltin, jiena fosthom. Għalija kienet l-ewwel darba li sibt ruħi parti minn komunità ta’ kittieba Maltin, pjuomeno tal-istess xeħta ideoloġika u b’interessi xi kultant simili, xi kultant le, u bejn wieħed u ieħor tal-istess ġenerazzjoni. Għal xi żmien kien jinħass it-twelid ta’ moviment. Iżda komunitajiet virtwali huma wisq astratti u fraġili biex jissejħu moviment.

Niftakarni niltaqa’ ma’ Jacques Zammit u Mark Vella, ġejjin friski friski mil-Lussemburgu għal vaganza fuq il-“blata”, u għaraft kemm huma differenti n-nies wiċċ imb wiċċ ħdejn kif jippreżentaw lilhom infushom bil-kitba fuq l-iskrin tal-kompjuter. L-istess meta ltqajt ma’ Antoine Cassar u Kevin Saliba għall-ewwel darba, u dawn it-tnejn kellhom isiru ħbieb tiegħi meta t-tlieta li aħna tlajna naħdmu l-Lussemburgu bħala tradutturi.

Din id-dikotomija qatt ma sibt irkaptu tagħha. Domt sakemm aċċettajt li blogg huwa spazju pubbliku, u li jkollok blogg ifisser li għandek preżenza fl-isfera pubblika, anke jekk ikollok qarrej wieħed biss. Il-mod kif il-privat (blogg kważi bħala djarju) u l-pubbliku (blogg bħala pjattaforma għal opinjonista) saru ħaġa waħda kien ħallieni affaxxinat iżda fl-istess ħin skonċertat. Naħseb din kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn il-blogg tiegħi kien jismu Il-kriżi u kif tegħlibha, għax bl-immedjatezza tal-blogg stajt inkejjel mil-feedback tan-nies jekk kont naf nikteb jew le. Tattika xokk biex inqum mir-raqda li kont fiha.

Kif tistgħu taraw l-esperjenza tiegħi tal-blogosfera fl-2005 kienet waħda personali. Qatt ma kelli l-ambizzjoni li nkun kummentatur politiku jew soċjali, jew xi opinjonista, bħalma hu J’accuse. Allura l-blogg tiegħi għalija sar sketch pad, u bil-mod il-mod bdejt nonqos fil-bloggati sakemm, wara ftit xhur waqaft. Nista’ nsemmi li fl-istess waqt kelli blogg ieħor, anonimu, jismu Mill-Art (http://mill-art.blogspot.com/) fejn aktarx kont iktar għal qalbi, u fejn stajt nesprimi iżjed dak li nħoss. Mhux ta’ b’xejn in-nies iktar dan il-blogg jiftakru milli l-kriżi. Għaliex kien iżjed ġenwin, talinqas fl-opinjoni tiegħi.

Fl-aħħar, nixtieq infakkarakom f’żewġ bloggejja minn dik l-ewwel epoka li m’għadhomx magħna. Talinqas wieħed minnhom żgur li mhuwiex, għax miet (http://tal-frak.blogspot.com/), u l-ieħor jiġuni suspetti kbar li għamel suwiċidju (http://missubkonxjublatwissija.blogspot.com/). Blogg ta’ persuna li mietet hija xi ħaġa tat-tkexkix, bejn mawsulew u katavru li ma jiġix midfun. Nagħlaq b’ dan il-ħsieb.

Facebook Comments Box