Categories
Festschrift 2012

mark vella – xifer: il-blogg mit-truf

Lunchtime. And time for Mark Vella, the man who made the mistake of egging me on to start blogging. It’s ages ago now but we quickly settled around the big arguments and little commonalities. Could we illude ourselves that it was a thesis and an antithesis? What about all that discourse about chips and class and political snobbism and liberal elite? We whispered them in our ivory boxes when blogging was still a matter between friends. Now we laugh as we see those arguments repeated on the mainstream media and third or fourth generation blogs – and all the while they think that they are saying something new.

Seba’ snin ilu. Qatt ma ktibt daqs kemm ktibt dak iż-żmien. Dan hu żmien il-banana, mela seba’ snin ilu, fejn kull nifs li tieħu kien ikebibislek moħħok ġamra u idejk jikwu jridu jiktbu. Dak li tħoss l-ewwel. Dak li taħseb, forsi wara. Il-banana, wara Ammaniti, dak li jinkiteb meta ma jkollokx x’tikteb, dak li jinkiteb meta l-kittieb tirmazzalu idu, bħal issa, bħal dal-ħin, fejn is-seba’ snin ta’ Jacques bilkemm naf humiex tfakkira kiefra tan-nixfa ta’ ktibieti jew dehxa ħafifa ġejja bla mistennija lejn is-swaba’ kull ma jmur dejjem iħaffu fuq it-tastiera. Eżatt bħal seba’ snin ilu, kemm ktibt dak iż-żmien, fl-ewwel appartament li krejt, il-kompjuter fuq armarju baxx metall aħmar Ikea, mhux skrivanija li titfa’ saqajk taħtha, imma b’irkobbtejja laġenba u dahri mħatteb għal fuq laptop imqiegħed fil-baxx wisq għat-tul ta’ ġismi, waqt li nliġġem in-nervi tal-elettriku tal-kitba b’sigarett irammad minn ħalqi jien u nżegleg fuq siġġu jdur.

Mhux bħal-lum, fejn l-appartament mod ieħor, għax tkun mingħalik li anki l-ħajja ġejja mod ieħor, u li biex tikteb trid fejn tikteb, post speċjali,  fejn tista’ taħseb tikkonċentra toħloq. Mhux bħal lum, fejn nerġa’ nixtieq, bħal ma darba xtaqt u kelli u arrali, imma xorta tibqa’ tixxennaq, għal kamra kollha tiegħi, u ħin kollu kollu kollu tiegħi, fejn nista’ nilgħab tal-kittieb (mhux inkun, fl-aħħar mill-aħħar, imma le, nilgħabha ta’…) u hemm żgur għad nikteb kull ma għandi f’moħħi u niktbu sew. Mhux bħal fiż-żmien tal-bloggs. Dak kien biss żmien ta’ taħriġ, tant li l-blogg għadu jeżisti fix-xibka imma b’indirizz ieħor u ħadd mhu se jsibu, donni qed nistħi minn dawk iż-żminijiet fejn kont ridt tikteb kull ma tara, tisma’ u tgħix, u tkun trid tgħidu lil kulħadd, kull min lest jisma’ , kull min lest jinzertak.

Qabel il-Facebook, l-ismart marketing fejn nitteggjak u nwaħħal link biex forsi xi ħadd li jafek jaqra dak li qed taqra u li jien ħajjartek biex taqrah, għax għandi pjan ta’ kif irrid ninqara u minn min, qabel dan, qabel dan kollu….konna niftħu blogg u niktbu, niktbu, niktbu u mingħalina li qed jaqrana kulħadd u anki li mhu qed jaqrana ħadd. U mbagħad konna ngħidu ‘l xulxin b’x’qed nagħmlu, u dak li jkun jitħajjar, u jħajjar, u f’kemm ili ngħidlek sirna komunità, naqraw lil xulxin u forsi xi ħadd ieħor jaqrana. Bosta minn dawk li qed jiċċelebraw illum forsi nixfu wkoll, tiftakru kważi kollha flimkien, x’kien ġara, kif kollox miet… Forsi għax kollox għandu tmiemu, forsi għax fgajna f’xi veleni pwerili ta’ xulxin – x’qawwa kellu biċċa blogg!- forsi għax għajjejna, forsi  wħud minna tgħarwinna wisq u darba stenbaħna mistħija…

Jacques biss, soldiered on. Ftit għadni niftħu l-blogg ta’ Jacques, nammetti. Bħal ma bilkemm naf min jibbloggja daż-żmien, u ma nagħtix wisq kashom. Seba’ snin wara, kull ma nista’ ngħid huwa kemm hu ikreh meta jmut is-seher, xi kruha toqtol ħolma, imma kemm hi kurjuża din is-sensazzjoni rqiqa rqiqa rqiqa rqiqa li qisha tgħidlek biex (istja, kemm kont inħobb ngħidha din fi żmien il-bloggs) tiddisinja arazzi ġodda….

Facebook Comments Box