Categories
Festschrift 2012

pierre j. mejlak – books & beans

I thought he wouldn’t make it. Then I got an SMS at four in the afternoon “Nibza li ha niddizappuntak habib. Qieghed imsiefer u l-isfiga kollha qed tinqala’. Forsi guest post mar-ritorn ghalkemm ma tkunx l-istess.” Then four hours later “Sibt internet!!! Gej tieghi! x”. By nine in the evening I had received Pierre’s piece. The Festschrift was completed – in “photofinish 1996 style” as Pierre himself described it. Pierre was a wonderful discovery – two Gozitans meeting in Luxembourg – and if there’s one thing I envy him it’s his smooth talking charm peppered with trés gozitan humour. Books & Beans was the name of a bar/café in Luxembourg before it became the name of the blog of one of blogosfera’s most pleasant wordsmiths. I’ll stop here – ladies and gentlemen I give you the fashionably late Pierre J. Mejlak. It’s not his fault he was in Paris….

Ma’ Jacques fis-Sul Palco

It-Tube llejla xbajt għall-mewt. Qisu r-rużarju. Dejjem l-istess daqqa, b’New York, New York dejjem l-aħħar radda tas-salib. Iżjed ħadt gost il-bieraħ għand Mark. Kien hemm Ludvic, ħabib tiegħu, li f’għaxar minuti sajjar platt għaġin b’dak li sab mhux-maqtugħ fil-kċina ta’ Mark. Għoġbuni t-tnejn – kemm l-għaġin kif ukoll Ludvic. Kien hemm ukoll Matthew, li qed iżur lil ħuh u qisu mħajjar jiċċaqlaq hawn ukoll.

Barra l-ksieħ. U fejn noqgħod jien, f’wied li jiġi eżatt taħt ground tal-futbol, il-kesħa tinħass iżjed. Mhux suppost indum ħafna hawn. Hekk kif jitlesta l-appartament f’rue Adolphe Fischer niċċaqlaq. Hemm inkun waħdi u nkun iżjed komdu.

Illum erġajt rajt lil Maria. Vera post żgħir dan u jekk tiltaqa’ ma’ xi ħadd u ssellimlu bla ma biss tindenja tistaqsih x’jismu, sa ġimgħa wara hemm ċans tajjeb li tkun erġajt rajtu. Darbtejn jew tlieta. Ma’ Maria laqqagħni Vincenzo fl-ewwel ġimgħa tiegħi hawn, fejn inzerta kien hawn fiera – speċi ta’ lunapark kbira – bl-isem Schueberfouer. X’ħin toqgħod tqis, naħseb infaqna għoxrin euro nilagħbu tellieqa taż-żwiemel. Tixħet ballun u skont f’liema toqba ddaħħlu, iż-żiemel jiġri. Jien kelli ż-żiemel numru sitta. Għajjien immens u ma damx wisq ma beda jinqatagħli lura waħdu. U x’ħin rajtu dejjem wara nett, kollu grif u melankolija ġenerali, sirt kważi kważi nħobbu iżjed.

Ma’ Maria rġajt ħbatt is-Sul Palco, il-bar ta’ wara l-Posta. Taħdem bartender hemm. Ma nnotajthiex mill-ewwel. Fuq it-TIME kien hemm artiklu dwar Barack Obama, li mix-xejn sar Senatur Chicago. Toni Sant kien ibbloggja dwaru u meta ġiet quddiemi tistaqsini x’irrid kont mitluf fih. Come vanno le cose? staqsietni. Ma stennejthiex hemm u billi togħġobni imbarazzajt ftit ruħi.  Għidtilha tajjeb. Ma sibt xejn aktar x’ngħidilha. Flok macchiato ħarġitli macchinato u ħarġitli imkissra qisha ż-żiemel li lgħabt fuqu. Vera stħajt imma hi tbissmet għax ħasbitni qed niċċajta. Kont se nistaqsiha jekk ratx Fahrenheit 911 iżda hekk kif kont se nibda d-domanda Maria telqet fuq mejda oħra bi tbissima li biha qisha riedet tgħidli kkalma, daqt nerġa’ lura.

Fuq it-televixin bdew juru tellieqa tal-Formula 1 u kif bdejt nara min hemm quddiem jidħlu żewġ Maltin. L-ewwel smajthom. Imbagħad rajthom. Kien għadni qatt ma ltqajt ma’ Jacques, għalkemm wiċċu ma kienx ġdid u ismu lanqas. Kien endorsja lil Cassola u bħal għoġobni li ħareġ għonqu. Miegħu kien hemm wieħed jismu Owen. Jacques qalli li kien għadu kemm mar dawra bil-karozza. Mar Remich, qal, u wara baqa’ sejjer Remerschen. Ra ħafna baqar. Sejjer jara Juve Ajax l-Erbgħa f’bar Taljan qrib il-gare u stedinni mmur miegħu. Nitħajjar immur. Semmejna lil Toni Sant u lil Mark, li t-tnejn qed jibbloggjaw. Jien imħajjar iżda x’naqbad ngħid? Jacques ma jikkommettix ruħu. Iżda ma nimmaġinahx se jdum wisq iħares mill-ġnub. Ma jidhirx it-tip ta’ fuq il-bankina.

Kien qed jgħidli li anke hu Għawdxi u kont se nistaqsih minn fejn, meta reġgħet ġiet Maria tara hux kollox sew. Id-domanda dwar Fahrenheit 911 kont, ormai, fassaltha b’mod sabih u kont se nixħitilha qisna ħbieb tal-qalb li dejjem jixħtu l-affarijiet lil xulxin, iżda Jacques, pront pront, ħa f’idejh id-diskursata, li għandi ma reġgħet spiċċat qatt.

Facebook Comments Box

12 replies on “pierre j. mejlak – books & beans”

Comments are closed.