Categories
Values

Nazzjon medjokri?

Żgur Brittania

Għaddew Olimpijadi oħra. Il-Brittanniċċi saħħruna għal darb’oħra bir-rikkezza ta’ pajjiżhom u bil-għana ta’ l-istorja millenarja ta’ gżirithom. Kienu inkwetaw li ma humiex se jkunu “up to standard“. Inkwetaw li wara l-immensita Ċiniza kienu se jidhru ċkejknin u amatorjali. Minflok kull min seta’ jixhed iċ-ċerimonji ta’ ftuħ u għeluq l-Olimpijadi kellu mafkar tajjeb ta’ dak li jissarraf fih il-kunċett ta’ Gran Bretanja. Lejn l-aħħar ta’ l-egħluq kien hemm siparju sabiħ fejn żeffiena Indjani tħalltu ma Morris Dancers f’taħlita kulturali li tiżboq il-preġudizzji u nazzjonaliżmi u li tfakkarna fil-kobor post-imperjali li issawwar fuq pedamenti differenti filwaqt li żamm sod fuq il-wirt storiku.

Il-Brittaniċi għandhom il-lussu li jqiegħdu lil the Queen, Pink Floyd u John Lennon f’nifs wieħed. Għaddieli il-ħsieb li fuq storja millenarja ta’ żvilupp uman aħna kellna x-xorti/żvintura li ngħixu l-biċċa l-kbira mill-ħajja kulturali u soċjali tagħna f’dinja anglo-ċentrika. Jekk tieħu l-popolazzjoni kollha ta’ ġnus li qatt għexu, ftit ħafna ikunu dawk li qatt semgħu b’McCartney u Lennon pero illum dawn l-ismijiet huma simboli ta’ l-era post-nukleari li għadna ngħixu illum avolja ftit li xejn għadna nirreferu għaliha.

Midalji Qoros

Fit-tabella tal-midalji li intrebħu żdiedu xi uċuħ ġodda. F’għajnejja jispikka ċ-Ċipru. M’huwiex xi pajjiż li wisq jispirani f’sens nazzjonalistiku minħabba dak illi jiena nara bħala nuqqas ta’ kburija kull meta jiġru biex jilgħaqu sorm il-Griegi. Qatt ma ħabbejt il-ħsieb li nitkejlu maċ-Ċiprijoti għax dejjem rajthom appendiċi imwarrba ta’ pajjiż ikbar. Aħna mhux hekk, anzi, aħna għandna ħabta naspiraw dejjem biex nikkompetu… jew talanqas nipparteċipaw bi spirtu faux de Coubertjan. Aħna l-innu tagħna u tagħna biss. Aħna l-bandiera tperper u ferħanin għax “Ara, ara… għaddejin il-Maltin fuq it-televixin”. Imma biex nirbħu? Ħożż fl-ilma.

Għandi suspett li l-isport jirrefletti xi ftit jew wisq il-limitazzjonijiet tagħna bħala pajjiz. Pajjiż li ilu kważi nofs ta’ seklu indipendenti iżda li baqa magħluq sewwa bejn l-erba ħitan akkwatiċi li jdawwruna. Pajjiż diffidenti li ma jafx jekk jifraħx bil-barrani (sakemm jibqa sterjotippizzat, ħlejju u preferibbilment mhux Għarbi) jew jinsultah b’xi “jekk ma jogħgbokx itlaq”. Irnexxilu, minkejja kollox isir parti minn klabb ferm ikbar minnu u jpoġġ mal-istess mejda ta’ qawwiet u forzi storiċi. Sabiħa wisq. Kburi li Malti? U mela le.

Imma x’inhuma is-simboli ta’ kobortna? L-isterjotipi hemm qiegħdin.. l-ilsien li tatna ommna, l-wirt storiku ta’ nies li għaddew u għal min għadu nisrani mhux biss ta’ l-isem il-kattoliċiżmu Mediterran. Kważi kważi pero dawn iktar huma karatteristiċi milli monumenti għall-ħila ta’ pajjiż. Hemm hi. Ħarbitli l-kelma. Ħila. Kapaċita. F’hiex u għal xiex aħna tajbin? L-isport storja tal-biki. Ibellħuni il-Magjari… l-Ungeriżi biex niftehmu. Ġejjin minn pajjiż imdawwar biss b’art u ħlief għal kbir Danubju ilma xejn. Imma hemm ikunu… fil-quċċata Olimpika tal-għawm, tal-qbiż mill-għoli u fuq kollox f’dak l-imbierek Waterpolo. Iva il-waterpolo.

Xejn. Lanqas nifs. Nistgħu indumu inżeggu bid-derby Sliema – Neptunes u nsarrfu għall-elf darba il-kampaniliżmu tagħna f-munita oħra ta’ għira u ġlied… imma Malta magħquda? Malta żobb. U mhux waterpolo biss. Ara il-karajbi – xi gżejjer żgħar qishom nofs ħarja ta’ ħamiema imtektin madwar Kuba u l-kbar. Imbagħad joħorġulek ġganti li jiġru b’impenn. U mhux impenn tal-billboards. “Imma dawk għandhom il-flus… jinvestu fl-isport mhux bħalna”. Appuntu baħnan. Aħna fejn investejnihom il-flus?

U imbagħad semmi l-flus lil Stephen Kiprotich. Min? Iva Kiprotich. Rebaħ l-ikbar midalja fl-Olimpijadi… deheb fil-maratona. Kiprotich jiġi mill-Uganda. Iva l-Uganda fejn il-Maltin intbagħtu eżilju mill-Ingliżi. Familtu bdiewa u mhux li kellu ħafna flus biex jikkompeti. Imma Kiprotich kellu bżonn biss par saqajn jiġru u rieda u impenn. Rebaħ il-maratona… tellieqa dominata mill-ġganti tad-distanza – dawk l-Emiri u Xejikki tal-Kenja u l-Etjopja. Taf int. Dawk jgħumu fil-flus.

Medjokrita

Forsi mhux ġust li nippretendi pajjiż li jirbaħ midalji. Forsi mhux ġust li nippretendi pajjiż li mhux biss jipparteċipa imma li huwa ukoll konxju tal-impenn neċessarju sabiex tasal u tirnexxi. Mhux ġust għax forsi fil-ħamsin sena li ilna naqdfu waħedna flok tgħallimna nikkompetu b’mod san li jippremja lil min ħaqqu ħloqna biss illużjoni ta’ kompetizzjoni. F’din l-illużjoni jiġi ippremjat il-medjokri. Bqajna nitkejlu biss bejnietna u allura l-ġganti u personalitajiet tal-pajjiż nofs ħarja fil-Mediterran komplew jiċkienu u jonqsu fl-istatura.

Iż-zgħażagħ Brittaniċi inħolqilhom panteon ta’ eroj oħra li jistgħu jaspiraw ikunu bħalhom. Għaż-żgħażagħ tagħna x’qed jissawwar? Il-ħolma tal-Middle Class? Aspira biex tkun medjokri. Il-ħolma li jekk tgħid iva u taċċetta bla ma taħseb u jekk tippappagalja allura taf tasal u tilħaq. Aspira għall-medjokrita. Kisser l-ideal.

F’dan il-pajjiż ma nsolvux problemi. Nindukrawhom.

Facebook Comments Box