L-aħħar li kont fil-gżira erġajt skoprejt il-pjaċir tal-orżata. Proprjament skoprejt il-pjaċir tal-granita tal-orżata. Ħsiebi mar lura għal żmien ieħor, għal Marsalforn ieħor. Kien iż-żmien li issa huwa ikkundanat għal nostalġija propagandistika iżda xorta jibqa żmien sabiħ. Qabel ma waslet l-invażjoni tal-ġelati ta’ barra, qabel ma kellna il-Magnum, il-Cornetto u il-Cucciolone l-għażla kienet pjuttost lokali.
Kont tixtri ġelat tal-Lyons Maid – u għadni konvint sa llum li ċ-cikkulata tagħhom kien l-itjeb. Jew tagħżel minn għażla kulurita tal-ġelati tal-Wembley – fosthom il-mitiku Screwball… ġelat kremuż tal-vanilla b’xi ġulepp imħallat miegħu u fil-qiegħ issib il-bubble gum. Pjaċir immens. 8 ċenteżmi kollox. U oqgħod attent bl-imgħarfa tal-imjam għax taf tibla’ xi skalda. Kien hemm oħrajn tajbin, minbarra ovvjament il-famużissimu u irrimpjazzabbli ġelat tal-magna Carpigiani – li illum issib wieħed tajjeb mingħand tal-Granola fil-Menqa ta’ Marsalforn (fejn spjegawli ukoll li ma jġibux ġelati tal-islice “Għax jinbiegħ malajr wisq”). Kien hemm – għal min jiftakar r-Rabat fis-sajf – il-ġelat sublimi ta’ Lola ta’ wara’ San Ġorġ. Festival ta’ kremożita’ u togħma qisha manna mill-ġenna.
Iżda fuq kollox kien hemm il-granita. Granita tal-Wembley. Stajt, jekk kont amateur, tieħu dik tal-frawli jew tal-lumi. Imma jekk vera trid tgħid li tħobb il-granita m’hemm xejn isbaħ minn dik tal-lewż – l-orżata iffrizata. Kullħadd bit-teknika tiegħu. Min jaqleb il-bott ta’ taħt fuq u erħilu jigdem, u min iħaffer bl-imgħarfa. Kull min igawdi mill-pjaċir bnin tal-granita mitluf fi ħsibijiet sublimi.
Das-sajf ħadt erba’ jew ħamsa… kważi kollha mingħand taċ-Ċirasa il-Qbajjar (illum Qbajjar Restaurant – irrikorru għal ħut impekkabbli). Saru jagħmluh b’lewn ħadrani minflok abjad imma tajjeb għadu. Ġejt lura Lussemburgu u mort dritt sas-supermarket (Match) u fittixt l-essenza tal-lewż. Sibtu, bil-Franċiż jissejjaħ orgeat. Ħallatt buqar minnu u tfajt erba tazzi fil-friġġ. Ilbieraħ kilt l-ewwel wieħed.
Tagħlaq għajnejk u tilmaħ il-Qolla s-Safra mill-bogħod. Issa jonqos biss li insib mod inġib il-baħar hawn ukoll.
One reply on “Orżata”
Ricetta tar-ruġġata:
http://www.ilovefood.com.mt/recipes/ruggata-tal-lewz-by-georgina-lawrence/
Jien bdejt nagħmilha d-dar fuq skala industrijali.