Categories
Travel

Nizza

Trid tkun vaganza kulltant biex troddlok lura il-perspettiva li tkun tlift mat-triq tar-rutina u l-ħajja ta’ kuljum. Minkejja li għoddni għaddejt ġimagħtejn sew Malta dawk ma servewnix għal dan l-iskop. Dal-weekend morna Nizza. Jumejn kollox. Tlaqna il-ġimgħa u lura l-Ħadd tard filgħaxija. Sabiħa wisq Nizza. Mhux sabiħa fis-sens turistiku imma fis-sens storiku u ċiviku. Hija stampa ċara ta’ belt (metropoli? il-ħames l-ikbar belt Franċiza) Mediterranja miftuħa u konxja tal-wirt storiku u mħallat tagħha. Iva għandha l-monumenti u toroq imsemmija għal dawk li fi zmien ieħor issieltu mat-Torok (Catherine Segurane) imma mill-ewwel jinħass li din hi kollox barra Belt magħluqa fl-isterjotipi.

L-ilsien dejjem jgħin u dak in-Nicois ftit Taljan, ftit Franċiz u ftit Katalan huwa bieb miftuħ beraħ għal infuzjoni ta’ ħsibijiet. Ma tistax ma taħsibx fl-iSqalli ta’ Camilleri jew fl-inkwadri imsawra fil-kitba ta’ Naghouib Mahfouz. It-toroq tal-Vielle Ville iserrpu u jsaħħru filwaqt li l-ħwienet ibiegħu l-aqwa pjetanzi u prodotti tal-baħar f’qalb id-dinja. Għalhekk tiekolx socca (magħmula miċ-ċiċri) jew pan bagnat kull ma trid tagħmel hu li tagħlaq għajnejk u timmaġinak f’Nizza rumana bi prodotti Feniċi u spezji ta’ Lvant Nofsani qed jitwasslu fuq il-ġifen li x’iktarx mess ma gzira ftit il-bogħod.

Qishom aħna, jiġik tgħid, tarahom fil-kju tal-ferry għal Sardinja u Korsika. Seta’ kien l-iMġarr. Qishom aħna, tistħajjel tgħid bl-imħabba tagħħom għaż-żejt taż-żebbuġa, it-tadam imqadded u l-ħut. Qishom aħna bil-bajjiet iperpru bnadar ta’ kull ġens (ir-russi moda hemm ukoll). Qishom aħna idawru sold fuq storja u kultura u xemx u baħar hux. Qishom aħna bil-bajjiet iperpru l-bnadar qawsalla simbolu ta’ ftuħ li kull ma jmur isir ovvju. Qishom aħna bin-nisa jgħumu kif iridu – l-forom kollha tara fuq il-bajja : 50 shapes of human – mingħajr pulizija jarrestawk għax kxift xi żejża żejda.

U insomma. Forsi ma qishomx aħna sa’ l-aħħar. Forsi tmur Nizza u tinduna x’għandna aħjar minnhom u x’jonqosna biex inkunu bħalhom. Imma fuq kollox tinduna kif hemm timbru ta’ stil ta’ ħajja, ta’ filosofija mondana, li huwa deċiżament Mediterran. Dak l-ispirtu li tagħlaq għajnejk int u tigdem Orżata u jiġik dritt f’moħħok / intix l-Exiles jew il-Cote d-Azur. F’dawk in-naħat ta’ Nizza u Marsilja qatt ma tilfu il-Mediterraneita tagħhom. Kien passaport miftuħ li jwasslek min Aleppo u Beirut sa Ġibilta u Lixandra sa Genoa u Venezja. Passaport li jiżboq it-Tuneżin, l-iSpanjol, it-Taljan jew il-Malti. Fi żmien l-imperu kont tgħid Cives Romanus Sum u tgħidha bi kburija.

Illum. Forsi hemm bżonn niskopru l-għana u r-rikkezzi ta’ xi tfisser li tkun Iben-il Mediterran.

Nizza. It’s nice.

Facebook Comments Box