Categories
Politics

Din l-art ħelwa

Donnhom jagħmluha bi ħsieb. Tasal elezzjoni u jzeffnu  l-art fin-nofs. Tkun se toqrob elezzjoni u min forsi ikun xi ftit marid b’dik il-fissazzjoni dwar valuri, ideat u politika ta’ prinċipji isib ruħu imdawwar bi kronaka kriminali, psewdo-kriminali u allegazzjonijiet ta’ attivitajiet korrotti. Ħa ngħiduha kif inhi – il-politika imkien ma hi abjad fuq iswed. Ma tantx ser issib okkazzjonijiet fejn għażla bejn sew politiki/ideat differenti ssir b’diskussjoni denja ta’ fakulta tal-filosofija.

Bosta drabi f’pajjiżna innutajt illi l-qafas pre-elettorali għandu ħabta jiġi iddominat minn xi kwistjoni li tinvolvi bejgħ jew xiri ta’ artijiet. Niftakar żmien ilu (m’inix żert kienx id-96 jew id-98) lil Fenech Adami iħambaq għal ħin twil waqt mass meeting ġo Triq Psaila. Kien dwar xi kuntratt li mar żmerċ. Xi Charles Mangion jekk minix sejjer żball (imma jaf li iva sejjer zball). Li naf li moħħi kien jintefa wara ftit. Din it-taħlita ta’ psewdo-investigazzjoni u allegazzjoni pubblika kienet ittellifli kull sens ta’ interess. Filli kont nissaħħar wara dak li instema bħala proġett mibni fuq sisien ta’ xogħol, ġustizzja, liberta, solidarjeta, u sussidjarjeta… imbagħad filli qed jitkellmu dwar kuntratti, korruzzjoni, fottimenti, klikek li jagħmlu flus, art li mhux tagħhom eċċ. (titwiba) eċċ.

Għal bidu ma stajtx nifhem xi bżonn kien hemm li jingħataw tant importanza lil dawn l-affarijiet. Iva mela le, investigahom, u hekk, imma mhux madonna taħlili siegħa diskors fuq kuntratti u ftit (ftit wisq) fuq il-ħsieb tiegħek għall-ġejjieni u fuq liema prinċipji se jsawru l-pjan prattiku tal-gvern futur. Imbagħad kelli nidra. Għax bejn Sant u d-diskors kontinwu dwar barunijiet (li kienu ukoll imprendituri, spekulaturi fl-art) u bejn kuntratti li minn sena għal oħra kienu ikunu qishom il-pern li fuqhom tinbena politika ta kritika kelli nidra li f’din l-art ħelwa, l-art kollox.

Hemm għalfejn immorru l-bogħod? Tinsewx li l-elezzjoni tal-2008 (l-aħħar waħda biex niftehemu) intrebħet u intilfet fuq biċċa art il-Mistra. Pullicino Orlando u d-dmugħ falz tiegħu ssussidjat mill-klikka tal-ispin nazzjonalista kellu sehem importantissimu fir-riżultat finali. Daqstant ieħor kellu sehem it-timing hażin ta’ Alfred Sant li forsi ma għarafx iġestixxi sewwa l-mument li jikxef l-għawar fuq l-aħħar kuntratt mbażwar li kien ser iniġġeż lil din l-art ħelwa. Jekk hux art kbira li se tinbiegħ lil intraprenditur jew xi abbuż mill-kriterji tal-ippjanar (ah xi kriterji) tagħna bħal Manwel Arriva Delia li jiftaħlek offiċċju fir-raħal imma għadu biss bil-permess li jbiegħ il-ħaxix (ifhem).

Iddur fejn iddur tispiċċ titkellem fuq art. Mhux ta’ b’xejn li waħda mill-ikoni tal-politika Maltija inbniet wara Perit. Fejn issib biċċa business fl-art kull ma trid tagħmel hu li tfittex ftit. Hemm issib il-ħaxi. Jekk mhux verita għallinqas hija sewwa magħrufa (fis-sens ta’ “mhux kullħadd jaf, mhux ovvja”). Għax hekk għallmuna naħsbu. Issa ħarġu waħda ġdida. Perfetta. Għall warm up għall elezzjoni li jmiss għandna l-kuntratt bejn it-Tfal tal-Perit u ċ-Ċaqnu. Bellezza.  Tal-alternattiva ilhom imsieken jaqbżu għal din l-art ħelwa u isejħu għal politika miftuħa, nadifa u trasparenti fil-qasam tal-art. Anki f’dan il-każ indunaw illi dal-kuntratt jinten miż-żewġ naħat. Kif jista ma jintinx… għandu storja li tinbet fl-aħħar xhur tal-politika soċjalista u tkompli tul il-perijodu ta’ gvernijiet nazzjonalisti.

Din l-art ħelwa. Stennew botta u kontro botta dwar il-kuntratt, il-ħaxi, il-fottimenti, in-nuqqasijiet li bihom qed indardruha. Fuq kollox stennew li kull naħa toħroġ ta’ kavalliera protettriċi ta’ dan il-wirt tagħna u tas-suppost prinċipji li inħaddnu biex nindukrawha. Stennew storbju, stennew frakass u allegazzjonijiet. Stennew, bħal ma kien qal Rupert, l-għaġeb bħal ma sar fil-każ tal-bajd tal-fkieren. Imbagħad tgħaddi l-elezzjoni u kollox qisu ma hu xejn. il-bajd jintesew u l-ħaxxejja jibqgħu jaħxu – huma min huma.  L-art fejn tal-Barrani tinbena plottijiet u jgaqwdu minnha ulied Mintoff u ulied Fenech Adami. Mhux it-tfal ta’ … uliedhom – fis-sens ta’ ulied Mose… dawk li ħaddnu l-istess modus operandi tul iż-żmien. Li waqt li jkantaw dwar din l-art ħelwa u kemm jgħożżuha ma refgħux id biex iħarsuha minn kull deni.

Id-dehen lil min jaħkimha? Forsi ilu li għadda ż-żmien meta jmissna indunajna li l-ħakkiema kollha ta’ l-istess pezza.

Il-Ħadd it-tajjeb.

 

Facebook Comments Box