Categories
Campaign 2013

Ħaddieħor

Jiġru affarijiet kulltant li int mingħalik kienu jiġru biss lil ħaddieħor. Kull tant ieħor nieqaf u naħseb li “il-ħaddieħor” li għandna ġo moħħna ma hu xejn ħlief l-alter ego tagħna. Dak li l-ebda qaddis ma jgħinu, dak li kull żvintura tiġri lilu u dak li kif ngħidu f’dawn iż-żmenijiet moderni … jekk għandu jerdgħu jerdgħu. Fil-kollettiv ta’ ħsibijietna il-faqar jiġri lil ħaddieħor, ħaddieħor ħareġ mill-iskola ma jafx jikteb erba’ kelmiet sura, ħaddieħor (miskin) injurant, ħaddieħor jiffaċċja problemi ta’ immigrazzjoni, integrazzjoni, diskriminazzjoni. Ħaddieħor ħaqqu l-ġustizzja vera imma għalina dejjem hemm skużanti. Ħaddieħor ħaqqu l-forka għax saq bil-mobajl ma widnejħ jew ipparkja double-parking imma aħna “kemm neħles din il-qadja”, “kemm għidt lill-mara li se nasal tard għall-ikel” jew “iwa madonna lili qbadt fuq il-mobajl”?

Bħal dak il-biċċier minn Ħaż-Żabbar li mar jistad u intilef (imma sabuħ). Storja ta’ mirakli u wegħdiet lil Madonni ta’ Pinu, Medjugorje u fejn trid iva. Imma laqtitni l-istorja li rrakkonta bl-ikbar onesta. Kellu sangwiċċ li għamlitlu l-mara u ramiegħ lill-ħut għax ma kellux aptitu. Ikel ma kellu xejn miegħu u ġismu kellu jaħdem 48 siegħa fuq belgħa te u stoċċ ħelu. La “flares” la kumpass, la mobajl … xejn. Il-Mediterran, baħar magħluq fejn anki jekk tagħlaq għajnejk taħbat f’xi art u tikteb odissea jew titniżżel minn xi appostlu, sar desert bla tmiem. Id-disperazzjoni tħalltet mat-tama – o tama qaħba li tittanta f’kull bnazzi kif ukoll fil-maltemp. Imbagħad ġabruh u salvawh. Ħajja ġdida.

Imma mhux dik il-kwistjoni. Il-kwistjoni hi l-biċċier li ħareġ jistad jaf ma ħax wisq affarijiet miegħu għax fil-kuxjenza tiegħu id-dsigrazzji jiġru lil ħaddieħor. Inqas responsabilta għalina mhux hekk? Mhux fil-ħażin biss ta’ … imqar il-lotterija ta’ kull ġimgħa. Xi Super 5 tmisslek il-mitt elf. Dik mhux ovvja mhux se nirbaħha jien? Se jirbaħha ħaddieħor. Ja bagħal.

U l-politiċi tagħna bħalissa qiegħdin jegħdew jgħidulna kemm ser ikunu tajbin għal ħaddieħor. Għax bilfors għandhom lil ħaddieħor f’ moħħhom meta per eżempju iwiegħdu iktar xogħol fl-industrija tal-manifattura. Ħeqq miskin, ħaddieħor ikollu jaħdem siegħat twal b’paga (mhux minimum wage) li tikkompeti ma dik tal-ħaddieħor li jaħdem fil-Maghreb, fl-Ewropa tal-Lvant jew iċ-Ċina. Ħaddieħor se jsir magna ta’ prodotti li Alla biss (u forsi ħaddieħor) jaf x’inhuma.

U jgħidulna li se jibnu “middle class” ġdid. Ijja eh. Se jkun kuntent ħaddieħor. Għax ngħiduha kif inhi. Min iżżobb jaspira biex ikun “middle class” illum? Mhux dak il-ħaddieħor li dejjem jerdgħu? Imma miskin se jaħseb għalih ara l-lijder. Ħa jaħseb għal ħaddieħor femminili ukoll. Gvern femminista biex ħaddieħor ifarrak l-ostakoli li sa issa suppost waqqfuh. Bilfors ħaddieħor – dak il-ħaddieħor li se jkun kuntent bl-indħil ta gvern li jaħdem bit-tikketti. Issa se “jagħraf” unjoni bejn koppji omosesswali. Isa ħej. Forsi ser jagħtina xi identikit biex inkunu nistgħu nidentifikawhom? Ara skond il-Linji Gwida 4.1 tal-2013 nista kważi kważi nieqaf insejjaħ lil ħaddieħor “pufta” biex ma jibqgħux jinħolqu ekwiviċi. Qaluli li anki “fidil” qiegħda borderline għax taf tiftiehem ħażin – u ħaddieħor jaf jieħu għalih.

Taf kont mass meeting din il-ġimgħa. Jew fuq il-fosos jew ta’ Qali kont imdawwar bil-folol u rajt lil ħaddieħor ikanta, ħaddieħor ixejjer il-bnadar, ħaddieħor iħarref fuq palk u jroxx il-bżar li ħaddieħor jagħma bih.

Taf kont hemm u taf waqaft tirrefletti – ġejja elezzjoni… tiġi u tmur u tkun qisha ġrat biss lil ħaddieħor. U int fejn kont bqajt għax dakinhar ħallejt lil ħaddieħor jbellagħlek ir-ross bil-labra. Ħallejtu isawwar stejjer dwar kif d-dinja fil-futur tkun aħjar għal ħaddieħor u int komplejt miegħu – għax ħaddieħor hekk għandu bżonn. Ivvotajt u fil-verita ma tafx għal min u għal xiex u eżattament x’inhu ġej.

Għax fis-saħna tal-mument ħaddieħor dejjem isib il-mod kif jirkbek u int mingħajr ma taf issib ruħek fuq dgħajsa f’nofs baħar bla ikel u xorb tittama li ħaddieħor jiġi jsibek u jsalvak qabel ma tmut.

F’dan il-pajjiż ma nsolvux problemi. Nindukrawhom. Il-Ħadd ieħor it-tajjeb.

Facebook Comments Box

One reply on “Ħaddieħor”

Punt zghir li laqtitni fl-istorja tas-sajjied il-mitluf…meta ra vapuri ghadejjin fil-boghod beda jxejjer u jghajjat ghal-ajut ghax hu ‘Malti’!!!!!!!

Ara vera ghandu opinjoni tajba tan-nies mitlufin fuq il-bahar fil-Mediterran….u milli nista’ nifhem ir-ragunament tas-sajjied mhix daqshekk zbaljata, ghax jekk Kaptan jghin lil xi hadd li m’ghandux karti u li jrid jigi accettat f’xi pajjiz iehor, hemm cans li jehel bih, jekk fil-portijiet li jipprova jnizzlu ma jaccetawhx.

Comments are closed.