Categories
Campaign 2013

Wiċċ taz-zokkor u provokazzjonijiet oħra

Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Simon Busuttil bħalissa bieżel ifakkar lill-kostitwenti tiegħu illi għadu kif ingħata premju bħala wieħed mill-Membri Parlamentari tas-Sena. Fil-każ tiegħu il-premju ingħata fil-qasam tas-saħħa, mid-dehra bħala rikonoxximent ta’ ħidmietu fil-qasam tad-dijabete “minkejja li la hu u la ħadd minn qrabatu ma huma afflitti minn din il-kundizzjoni”. Rajtha ħelwa wisq din tal-premju għall-ħidma fil-qasam tad-dijabete. Bejn għax tinstema qisu xi premju nobel u li f-daqqa waħda Simon sab xi kura għall-marda misħuta u bejn għax wara kollox dan Simon Busuttil b’dak il-wiċċ ta’ good boy. Qed tifhem? Simon Busuttil… issa offiċjalment il-wiċċ taz-zokkor.

Li ma fhimtx proprju huwa din tal-MEP Awards – speċi ta’ X-Factor u Europe’s Got Talent. U hija daqxejn tan-nejk da parti ta’ Simon li qed ifakkar lill-kollegi tiegħu lokali kemm hu bravu u fuq kollox kemm ħadem meta is-suddetti kollegi għadhom bil-btala tas-sajf. Dak il-wiċċ taz-zokkor l-ieħor li ma jibagħthielekx bil-posta Franco Debono ilu jgorr li jmisshom ilu li reġgħu bdew bl-iskola u homework il-parlamentari nostrani. Imma forsi fejn taf, bejn daħqa u oħra Simon l-istakanovista bl-unuri Ewropej jaf vera qed jibbottja liċ-ċorma għażżenin li hemm il-Pieta biex iqumu minn fuq sormhom. Jekk mhux għad-dijabiete għallinqas biex ma jkomplux iqażżu ‘l allat tal-olimpu bl-inattivita tagħhom.

**

Kellna ukoll wiċċ mill-passat li reġa tfaċċa… is-Sur Josie Muscat. Qalilna li ħafna drabi in-nisa imsawta ikunu ipprovokaw lir-raġel. Ma nafx x-inhu il-kuntest u nispera li hem xi skużanti għal din l-oxxenita hekk kif imlissna mill-ex politikant tal-estremisti Maltin. Ġa kien hemm ibleh amerikan li tkellem dwar “legal rape” u xi kulltant ikollok tirrefletti kemm fil-verita għad hawn min jaħseb hekk u li aħna neħduha for granted li emanċipaw ruħhom għas-seklu elfejn. Premijiet ma hux se jirbaħ Muscat (Josie) għax ħa pożizzjoni li ftit li xejn ser isib min jaqbel miegħu.

Ara Muscat l-ieħor (Joseph) dak jaf x’irid. Dal-weekend ippublikalna it-tnax il-linja gwida li suppost jilluminawna xi ftit dwar l-ideat konkreti li ser ikollu l-moviment progressiv la toqrob l-elezzjoni. Fejn xtaqna l-illuminazzjoni sibna dlam profond u estensjoni ta’ opportuniżmu li issa qed isir meskin. Li għadni ma smajt lil ħadd mid-dinja xellugija progressiva jammetti hija ħaġa ważda u importantissima u bażikament hu dan li ġej :

Jekk għal mument ngħidu u naċċettaw li d-dinja preżenti kif impittra minn Muscat u sħabu hija reali u li Malta hija verament itturufnata bi gvern korrott u biproblemi serji ta’ faqar, immigrazzjoni, edukazzjoni u saħħa – jekk għal mument nibilgħu din l-idea u inħaddnuha bħala verita assoluta (li mhux diffiċli tagħmel dan)… allura kemm iktar u iktar Malta qieghdha tibki għal alternattiva serja li verament u realistikament toħroġna minn din il-miżerja? U jekk inhu hekk allura jistgħu is-Sur Muscat Joseph u sħabu l-moviment kosmetiku progressiv jiefqu jitmejlu bin-nies bil-buzzwords dwar roadmaps, linji gwida u programmi misjura mill-poplu u minflok dan il-circum tauri joffru alternattiva VERA?

Għax jekk l-alternattiva hi dik li qed tiġi ippreżentata u offruta sa issa allura mhux wiċċ taz-zokkor għandhom dawn il-progressivi imma wiċċ infurrat…

U twaħħlux fija… għax mhux tort tiegħi… ipprovokawni.

Facebook Comments Box