Mela Tonio issa sar Kummissarju Ewropew u s-Saħħa għandha prominenza kbira fil-portfoll tiegħu. Id-dagħdiha u skambju ta’ kliem bejn elementi liberali u konservattivi laħqet il-quċċata tal-attiża nhar l-interrogatorju parlamentari tal-kummissarju deżinjat sabiex ftit wara waqqhet fuq fommha meta għadda mill-eżami tal-vot. Tħallu lil ħadd jitnejjek bikom. Il-proċess ta’ skrutinju innifsu kien neċessarju u leġittimu – biss biss a bażi tal-pożizzjonijiet li kien ħa Tonio Borg meta kien għadu politiku f’Malta. Jekk wieħed jinsa għal mument l-ammont kbir ta’ informazzjoni bażwija li iddawret dwar il-konservatiżmu Malti xorta waħda jifdallu ħafna fuq x’hiex jagħrbel dwar Tonio Borg u l-potenzjal tiegħu.
Tonio jirrapreżenta element politiku importanti fil-qofol Malti. Huwa element politiku li inbena tul iż-żmien reazzjonarju demokristjan waqt il-perijodu tal-gvern soċjalista fis-sebgħinijiet. F’dak iż-żmien id-determinazzjoni u viżjoni demokristjana kienet tinvolvi għanijiet ċari li ma jistgħux jiġu sempliċement diminwiti fi kristallizzazzjoni tas-suq ħieles u liberta. Xogħol, ġustizzja, liberta u ftit wara solidarjeta ma kienux għadhom saru il-munita dgħajfa jew “catchwords” li drajna bihom illum. Kienu sisien sodi għal pjan soċjali ġdid wara l-falliment tas-soċjaliżmu a-la-carte Mintoffjan. Kellha tkun soċjeta illi wieħed iħossu kburi li jifforma parti minnha u li jista jaspira għal (kwalita ta) ħajja aħjar.
Tonio kellu sehem f’dak il-moviment. Dak il-moviment wasal biex għaraf ir-rieda (u l-bżonn) ta’ sħubija fil-proġett Ewropew u kien parti fondamentali (iżda mhux unika) sabiex din il-ħolma isseħħ. Post Malta fl-Ewropa, ma’ l-Ewropej. Ma kienx hemm dubju. Issa u mhux imbagħad. Fuq dak ma kienx hemm dubju lanqas. Imma l-ġgant tal-libertajiet qisu tnikker u ddewwed u mal-ewwel ħjiel ta’ diskors usa’, mal-ewwel bżonn ta’ elaborazzjoni tal-għanijiet soċjali sabiex il-“just society” tolqot iktar nies u drittijiet – qisu bħal donnu beża. U kellna l-ewwel trasformazzjoni. Minn ġo Malta imsieħba fl-Ewropa żammejna sod ma “tradizzjonijiet” u “valuri” Maltin mingħajr ma azzardajna inħarsu jekk kellhomx bżonn xi aġġornament.
Il-partit li jridha li xpruna il-poplu fl-Ewropa sar l-istess wieħed li tella barrieri u ħitan biex mhux l-Ewropa kollha tidħol għax mhux kollox jgħodd. Għalhekk Tonio ma ħeliex wisq ħin qabel ma beda jikkwota trattati u eċċezzjonijiet. “Iva” stħajjiltu jgħidilhom, “ħaddanna l-Ewropa imma l-ewwel u qabel kollox inħaddnu l-prinċipji tagħna… erm tiegħi”. Hekk qalilhom fil-fatt. Hemm kompetenzi u kompetenzi u mhux kull ma hu fl-Ewropa se jidħol f’Malta. U din kienet tweġġa aktar minn kull metamorfosi li seta’ kien hemm bejn Tonio ta’ Malta għal Tonio ta’ l-Ewropa.
Tweġġa’ għax kienet ammissjoni fil-miftuħ li l-mod ta’ kif il-ġenerazzjoni reazzjonarja tas-sebgħinijiet qiegħdin jiffaċċaw il-pass li jmiss huwa wieħed difensiv u magħluq. Malta tagħna u timxi bil-pass li rridu aħna. Ma hemmx diskussjoni. Ma hemmx ftuħ għal utopja ta’ djalogu u sinteżi ta’ ideat. Tiftakruha l-Ewropa ta’ Kajjin u Abel? Kajjin u Abel ilhom li telqu… imma minflokhom għandna l-Ewropa ta’ Malta u l-Ewropa l-oħra.
Tonio komdu jiffirma li se joqgħod għal li jgħidulu – anki jekk b’xi mod tmur kontra l-kuxjenza u valuri tiegħu stess. Kellu jiffirma inkella kien jibqagħlu dubju jgħadduħx fil-klabb tal-Ewropej. Eddie Fenech Adami – missier id-demokristjani reazzjonarji tat-tmeninijiet qallu li kieku ma kienx jiffirma. Kien ikun iktar konsistenti Eddie – għallinqas hekk naħsbu aħna. Għax Tonio b’għemilu u b’ħidmietu baqa jsaħħaħ l-inkwiet li għandna. Li verament għandna żewġ “Ewropa” – dik tal-Maltin u dik li Tonio tant ħabrek biex daħal fiha issa.