Categories
Politics

Oħroġ il-għaġeb

Illejla, f’dawn in-naħat tal-Ewropa it-tfal ġa bdew jaqilgħu ir-rigali. Fil-Lussemburgu, il-Lorena u l-Alsazja għada jasal San Niklaw, akkumpanjat minn Pietru l-iswed. San Niklaw jew Sinterklaas (għalhekk Santa Claus – u QATT KrissmissFader) iqassam ir-rigali u Pietru l-iswed iqassam il-ħelu. Din it-tradizzjoni qatt ma waslet Malta u aħna bqajna bir-regola tal-milied fil-ħamsa u għoxrin u r-rigali lejliet. Għadek tisma lil min jgħid li r-rigali iġibhom “il-bambin” imma anki t-tradizzjoni ta’ Santa Claus qabdet avolja f’pajjiżna jiġi għoxrin jum wara li jiġi hawnhekk u fil-pajjiżi il-baxxi.

Sadattant bħalissa qed jintramaw il-presepji. Tradizzjoni mill-isbaħ li tinvolvi ukoll sengħa. Il-pasturi li bihom jiżżejnu il-presepji huma bosta iżda hemm dawk il-bażiċi li jiffurmaw il-qofol tal-presepju. Ma jistax jonqos li jkollok il-familja ta’ Ġużeppi u Marija imdawrin bil-ħmar u baqra (għas-sħana qalulhom – ifhem id-dawl kien ġa jiswa dak iż-żmien) u ikollok l-imrieħel tan-ngħaġ bir-rgħajja, l-islaten Magi u oħrajn. Malta ikollna ukoll pastur speċjali – l-għaġeb. Is-soltu konna inqiegħduh fuq il-maxtura iħares imbellaħ lejn is-sema. Jistagħġeb bl-egħġubijiet ta’ dak il-lejl u jirrapreżenta ukoll il-faxxinu tal-mistiku u l-mhux magħruf.

Din is-sena f’lejliet San Niklaw ftakart fil-ħruġ ta’ l-għaġeb. Hekk kif il-partiti għadhom kif qablu f’moratorium għal waqt iż-żmien tal-festi se jħalluna b’xi egħġubijiet minn tagħhom qabel ma jinżel is-siparju fuq is-sena u ngawdu il-festi tal-Milied. Il-vici Kap il-ġdid tal-PN kellu xi intervisti. Ma kienx biżżejjed li l-kollegi tiegħu il-Prim Ministru u dak tal-Finanzi għamluha ta’ San Niklaw u Pietru l-iswed xi jiem qabel u qassmu xi rigali qabel il-milied. Kellu jiġi hu ħa jisraq ftit mix-xena u jxandar mal-erbat irjieħ dwar l-egħġubijiet u l-bidla li kienet ser iġġib il-wasla tiegħu.

Suppost kellha tkun priedka ħelwa, b’dak il-wiċċ ta’ l-abbatin jiddeklama minn fuq il-pulptu misluf f-nofsillejl “Aħbar ta’ ferħ jien ser nagħtikom… illum twieled partit ġdid.” Minflok qaluli li l-ewwel impressjoni hija ta’ arroganza imġedda. Arroganza tat-tip li “tagħna kollox tajjeb u tagħhom xejn sew”. Forsi smajt wisq minn dawk li ma jridux jafu bil-bxara it-tajba imma jidher li l-ewwel ħarġa tal-għaġeb ma marritx kif suppost.

Imbagħad għall-par condicio nazzjonali illejla se jintrama pulptu ieħor sabiex egħġubijiet oħra jitwasslulna mill-ogħli tal-għerf ġewwa kamret il-poplu. Hemmhekk il-Kap Laburista se jispjegalna kif ir-rigali li ġabu San Niklaw u Pietru l-iswed tant għoġbuh li se jżommhom u jagħmilhom tiegħu. Se jgħidilna ukoll fl-istess nifs kif minkejja dan se jagħżel li ma jibgħatx Thank You Note u anzi jitfa vot kontra… Oħroġ il-għaġeb imma hawn min jaħseb li din ukoll hija koerenza.

Mhux ta b’xejn li pajjiżna għandu din il-politika li tixraqlu. Inħobbu nistagħġbu bix-xejn qisna erba mitt elf pastur mitluq fuq il-maxtura b’ħalqna miftuħ imbellħin b’dak li l-għajnejn jaraw iżda li s-sensi le jifhmu.

Illejla lejliet San Niklaw se jinħareġ il-għaġeb. Gloria in Excelsis… u għada jisbaħ ukoll.

 

Nota> Ir-ritratt huwa meħud minn presepju li ittella’ din is-sena bix-xogħol siewi ta’ membri tad-Diviżjoni Maltija tat-Traduzzjoni fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea bil-għan li tiġi irrappreżentata parti mill-kultura Maltija u li jsir ġbir għall-karita.. Kull xebh għal għoġġieba vera huwa purament każwali.

Facebook Comments Box

2 replies on “Oħroġ il-għaġeb”

Comments are closed.