Categories
Campaign 2013 Mediawatch

Il-punt (Ħadd ieħor)

U il-baġit? Il-baġit ġa lest. Il-gvernijiet ewropej ftehmu fl-aħħar. Għandna baġit ewropew. Ovvjament f’żokrot id-dinja jgħodd biss il-biljun u ftit li twiegħdu lil Malta. Mhux li ta min jissottovaluta dan il-fatt. Anzi xieraq ngħidu li l-gvern preżenti ma setgħax jagħlaq ħidmietu b’akkiwst isbaħ u ikbar. La l-Laburisti ma jistgħu ixejnuh għax vera huwa akkwist enormi u wisq inqas ma għandhom in-nazzjonalisti jeqirdu li “issa se jgawdihom Muscat” għax jew mar jinnegozja fi Brussel għal Malta jew le (Gonzi).

Imma oltre in-numru fantaxjentifiku (għax immens) ta’ ewri li se jaslu b’xi mod jew ieħor għal tgawdija (sakemm ma jonfquhomx fuq proġetti imbażwra li jservu biss biex jinfurraw bwiet min ma ħaqqux – u f’dak il-każ nafu min igawdi), oltre dan kollu hemm l-imaġni ukoll ta’ Ewropa mhix daqstant magħquda li qed taqdef f’dgħajsa imbenġla fl-ibħra ta’ kriżi dejjiem li għad ma trdix taf tbatti. Din ir-realta tmur oltre il-kwalunkwiżmi elettorali frott ta’ diskors forzatament partiġġjan.

L-Ewropa qed tipprova tqum fuq saqajha. Hi ukoll (u hi tfisser aħna tafux) għandha programmi u proġetti – tixtieq tinvesti iktar f’impjiegi għax jekk forsi ma tafux il-qgħad u l-prekarju fl-Ewropa huwa ħafna ħafna agħar minn dak li taraw Malta. Tixtieq tagħti nifs ġdid lill-ekonomija. Tixtieq tħajjar iktar investiment. Tixtieq ħafna l-Ewropa. Imma għaddejja minn żmien fejn kullħadd jiġbed għal djul għajnu l-Ewropa ukoll. Hemm min qed jaħsibha jibqax ġewwa. Hemm min jixtieq jibqa ġewwa imma li jrid li tikkalma ftit mir-regoli sakemm jieħu nifs. Hemm min fehem li r-regoli huma bosta li issa jagħtuna drittijiet ġodda u li mingħajr dawn ir-regoli ma tibnix Ewropa.

It-tensjoni hija kbira. Is-sens ta’ camaraderie ilu li intefa’. F’dan id-dawl biss, il-ftehm li intlaħaq il-bieraħ huwa suċċess enormi għall-ikbar għaqda fil-kontinent il-qadim. Jaf, minkejja kollox jagħti tama. Jaf li – sakemm l-Ewropa issib l-illuminazzjoni ta’ mexxejja b’rieda vera li jagħtu missjoni dejjiema lill-proġett, sakemm in-nazzjonaliżmi tal-paniku u l-firda tal-biżgħa jittaffew – jaf li dan il-ftehim jagħti dik l-ispinta neċessarja biex il-proġett jibqa jaħdem minkejja kollox.

Raġuni li tiżboq il-biljun u mitejn miljun raġuni li għandna għal xiex nifirħu bihom bħalissa.

Għax l-Ewropa, issa iktar minn qatt qabel, tagħna lkoll.


 

Facebook Comments Box

One reply on “Il-punt (Ħadd ieħor)”

Comments are closed.