Categories
Campaign 2013

Għid Banana

Biċċa xogħol ħelwa ta’ Cedric Vella. Qed intellagħha hawn fuq pjattaforma li qalgħet daqqa sew minħabba l-popolarita u populiżmu popolari ta’ facebook. Iva konna kwieti. Saħansitra nirċievu posta mingħand facebook u wordpress jistaqsuna għala ma tellajna xejn f’din l-aħħar ġimgħa. Tinkwetawx – mhux li inkwetati. Għadna hawn. Qed nagħmlu ftit reset kemm personali kif ukoll ‘professjonali’ fil-qasam tal-blogs.

Cedric għamel pastiche. Samples ħelwin li ma huma mużikali xejn pero xorta jirnexxilhom idewwquna t-togħma qarsa tal-massa politika maltija. Dik li għandna u dik li se nkomplu nitwekkew biha. Kif qed jitkellem dwar politika J’accuse? Tafu intom. Il-kazz mhux opinjoni u riflessjoni soċjali mhux neċessarjament politika. Issa li wara biss ġimaghtejn gvern effettiv u mingħajr ebda miżura ġdida sparixxew il-kjujiet fil-Casualty Mater Dei ikollok tibda taħseb li soċjalment kollox qed isir possibli. Jekk il-ħalba xita li jmiss ma jfurx il-wied tafu lill min għandkom tirringrazzjaw. U jekk ma tafux ifakkrukom b’xi press release.

Sadattant is-Sebħ ta’ Malta ġdida qed ngħixuh b’forom ġodda ta’ attentati ta’ ċensura mentali. Issa jekk tikkritika ifisser li inti frustrat, għajjur u ma fhimtx il-messaġġ. Ifisser li Malta ma hix tiegħek ukoll u ħaqqek l-għadab ta’ dawk li għadhom qed jistħu biss minn ġewwa ta’ kemm belgħuha sal-gerżuma.

Din ma hix politika sieħbi. Dan post dwar il-ħajja. Ceci n’est pas une pipe. 

Mela ħudu dan il-memento vivi tal-politika maltija bi pjaċir. U ippermettuli infakkarkom li s-satira vera li ma tbiegħx ruħha għada ħajja fir-Repubblika tal-Banana (paġna facebook) u li sakemm jasal żmien iktar bnazzi J’accuse qiegħed jirrikmandalkom blog politiku mniedi minn fatat f-kemmuna (Comino Republic / ukoll fuq facebook). Moreh nebhukin… u ifmuh.

U fejn ma tafux u ma tifhmux… għidu banana.

Facebook Comments Box