Ilbieraħ filgħaxija tajt daqqa t’għajn fuq ir-RAI wara li spiċċat il-logħba bejn Franza u Ukrajna. Kont ilni ma nara Porta a Porta u bqajt għal xi ħin insegwi il-programm li kien dwar it-traġedja li għada kif seħħet ġewwa Sardinja u l-ħerba li ħalliet warajha iċ-ċiklun Cleopatra.
It-taljani għandhom ħabta jissporprendu f’dawn is-sitwazzjonijiet – speċjalment x’ħin toħroġ dik il-mentalita simili ħafna għal dik Maltija li hija taħlita bejn l-istennija li “l-awtoritajiet” jieħdu ħsieb kollox u r-reazzjoni korollarja li twaħħal f’xi ħadd anki f’dak li huwa meqjus fil-ġiri tal-assigurazzjoni bħala “Xogħol t’Alla” (Act of God). Milux wisq li qorti taljan weħħlet pieni ħorox lil grupp ta’ meterjologi u sejsmologi li skond din il-qorti ma kienux bassru biżżejjed it-terremoti ġewwa l-Abruzzo.
Fuq Porta a Porta ilbieraħ laqtuni żewġ aspetti tad-diskors. L-ewwel waħda kienet proprju dwar it-tbassir. Fejn tobsor? U iktar minn hekk, meta tobsor? Bejn żoni akwiferi, xmajjar, terremoti u iktar, Lo Stivale huwa pjuttost lotterija tax-xorti f’dak li għandu x’jaqsam mal-possibilitajiet ta’ traġedji naturali. Kif qalu xi kelliema wieħed irid jaċċetta id-destin inevitabbli li xi darba jew oħra ser ikun hemm terremot jew kif sejħu l-alluvjoni – bomba tal-ilma. Iktar importanti huwa il-mument meta wieħed jitfa allerta (warning) u jibda jieħu miżuri preventivi immedjati.
U dan kien bużillis kbir. Ġewwa l-iStati Uniti nisimgħu ħafna bi stat ta’ allert fejn il-karozzi ma jitħallewx jiċċirkolaw u servizzi pubbliċi ikunu minimi. Jew isir evakwazzjoni jew in-nies jintalbu jibqgħu id-dar. Anki fi Franza, illum stess smajt bil-belt ta’ Saint Etienne li minħabba li kienet ġejja xeba’ borra tqiegħdet f'”Alet Orange” u twaqqfu bosta servizzi. L-Italja milli jidher ma jsegwux wisq dawn l-allerti u minkejja li kellhom bosta ħin jippreparaw għall-agħar minħabba li l-pulizija ċivili kienu taw l-allert bosta ħin qabel, komplew qisu xejn ma hu xejn.
Dan l-aspett laqatni. Sindku ta’ wieħed miż-żoni milquta staqsa jekk għandhomx iwaqqfu kollox kull darba li jkun hemm alarm. Skejjel, servizzi u toroq. Riflessjoni importanti din. X’ħin tqabbel mad-diliġenza Amerikana, Franċiża jew Tedeska din ir-riluttanza Taljana li jieħu passi preventivi kemm biex ma jtellifx ġurnata xogħol hija stramba wisq.
It-tieni aspett li laqatni kien li l-Italja, bħall Malta, għandha problema li ilha ġejja mill-ħamsinijiet. Jibnu fil-widien u ma jaħsbux f’riskji futuri.
Id-domanda tiegħi hi din. Apparti early warning system, issa li t-temp qed jiħrax (grazzi Mr Global Warming) u li l-possibilta ta’ ċikluni bħal dik li laqtet Sardinja olqtu pajjiżna dejjem se tiżdied, qed isir xi pjanar iktar konkret li jnvolvi ukoll edukazzjoni taċ-ċittadini? L-awtoritajiet lesti jibdew jagħtu parir biex in-nies jibqgħu ġewwa u jevitaw ħafna telf inutli ta’ ħajjiet?
Din m’hix kwistjoni politika. Dan bżonn uman u immedjat. Issa qabel ma nispiċċaw quddiem preċipizju b-lupu warajna.
A fronte praecipitium, a tergo lupi.