Categories
Retro J'accuse

Niftakar filgħodu

6a00d8345269c569e201630685d275970d

Niftakar li l-arloġġ kien idoqq mas-sitta nieqes għaxra. Ma kontx inbagħti biex noħroġ minn soddti daqs kemm inbagħti llum. Missieri kien iħalli ir-radju mixgħul fuq l-istazzjon nazzjonali sa’ minn kmieni. Missieri kien jiddejjaq li nirreferi għalih bħala “missieri”… mhux kwistjoni ta’ paternita’ miċħuda imma kien jippreferi sempliċement li insejjaħlu “il-pa”.

Tar-radju filgħodu ma kenitx drawwa biss tagħna. Niftakar fil-btala inqum għand in-nannu ir-Rabat jew Marsalforn u kien ikun idur mad-dar liebes piġamtu bit-transistor f’idejħ iwassal il-mewġ il-kbar tal-informazzjoni minn fuq il-BBC (AM mhux FM). Id-dinja daħlet id-dar kmieni fost textix isaħħar u jfakkar li kollox kien qed jiġri il-bogħod.

Ir-radju ta’ missieri (aħfirli pa) kien ikun fuq Radju Malta. Kienu jitfgħu serduq jiddi hekk għas-sitta sabiex wieħed jiftakar li din hija għodwa oħra u ta’ min toħroġ mis-sodda. Niftakar ninħasel malajr malajr – doċċa u nixfa f’tebqa t’għajn – u imbagħad dritt għal ġo l-uniformi waqt li jinqraw ir-riżultati tal-ballun bl-ismijiet ta’ bliet fantażjużi jsiru iktar tal-ħolm malli jiżolqu bi tbatija minn ħalq il-qarrej malti. L-uniformi tkun lesta bil-qmis mgħoddija, il-qalziet bit-tinja dritta u żraben ibblakkati. Ftit ħin taqbad dik l-għuda ta’ kuljum fuq darek, titfa’ fih il-lunch imlesti mill-ma u bewsa u tlaqna.

Niftakar Paceville filgħodu dejjem bata biex tnikker mir-raqda. Fost sturdament ġenerali konna niltaqgħu l-erba’ monelli li aħna fuq waqfet ix-xarabank ta’ quddiem il-Wembley. Niftakar nogħxa u nistħi nara in-nisa tas-sixth form u ħalqi jissarram malli jippruvaw ikellmuni dwar xi ħaġa.

Insejt isem ix-xufier (mingħalija Karlu) li kien iħallina indoqqu cassette tal-aħħar siltiet mużikali (x’iktarx biex noqgħodu kwieti) miġjub minn xi tifel avant-garde li missieru ma jixtrix biss mużika ta’ Clayderman u Rondo Veneziano. Niftakar li meta għal xi raġuni ma kienx jiġi konna indumu seklu biex naslu l-iskola b’tal-linja iżda kienet avventura liema bħala.

Niftakar, filgħodu, li siegħa kienet iddum eternita.

Facebook Comments Box