Lura Malta ghall-btajjel tal-Milied. Sabiħa s-sħana li tilqgħek bi nar u ġġiegħlek taħseb li l-bagalja ħwejjeġ sħan qajla se jintemssu. Inqas sabiħ il-bard ġewwa d-djar li qisu ħadd ma sab tarfha. Dan l-aħħar kull meta niġbor il-karozza tal-kiri u nsuq lejn Paceville inħossni qiegħed fil-film Johnny Stecchino ta’ Benigni u l-frażi dwar kif it-traffiku saret s-saħta kbira tal-pajjiż tibda thewden ġo moħħi.
Kullħadd mgħaġġel. Ftakart fil-program dwar crowd management li smajt dan l-aħħar fuq Radio 4 u dwar kif il-folla ma taħsibx b’moħħ prevedibbli. Li hemm żgur hu li it-traffiku malti għandu numru ta’ regoli innati li jikxfu egoiżmu sfrenat li jiżboq kull sens ta’ kollaborazzjoni sabiex jittaffew il-problemi. Maqbud ġo impromptu traffic jam ġewwa t-trejqiet ta’ madwar Sacred Heart (għax triq reġjonali kellha tiżvojta minħabba l-enneżimu inċident) r-radju weħel fuq il-ONE. L-aħbarijiet.
Tisma ftit dwar l-problemi tal-ittogati li kellhom party ġewwa l-awli sublimi tal-qorti (żibeeeel – kif jgħidu Sempliċiment tat-Triq fl-album “Qum Minn Hemm” li xtrajt mingħand il-Ġugar). Issa apparti li huwa ovvju li l-arrest arbitrarju illi seħħ huwa parti mit-tapizzerija unika u assurda tal-politika istituzzjonali maltija, u apparti li l-indinjazzjoni popolari setgħet tinħass kull fejn tisma jew taqra dwar l-eventi odjerni. Apparti dan kollu. Laqatni l-użu tas-sentiment popolari mis-Segretarju Parlamentari Owen Bonnici – qallu “the people ARE significant”. Xejn ħażin ta’ imma r-retorika tal-poplu li tfakkar f’sommossi u rivoluzzjonijet ma tkunx neċessarja jekk l-istituzzjonijiet jitħaddmu sewwa. Impeachment, Owen, u ħallikom mid-diskorsi dwar x’taħseb il-ġamaħirija.
L-istess Chris Cardona. Mar dar dawra il-ħwienet tal-Belt. Imnalla m’għadekx trid tħallas biex tidħol fil-kapitali wara s-sagħtejn għax issa tal-ħwienet tad-deheb u tat-Tommy Hillfiger jistgħu idawru sold li kien ħarab lejn tas-Sliema sal-Milied ta’ qabel. Cardona qisu ġa għamel survey xjentifiku għax ġa qatagħha li l-kummerċ żdied. Il-Milied it-tajjeb u n-nefqa għaqlija lil kullħadd.
Iżda tal-ONE żammew l-aħjar għall-aħħar. Kellhom servizz dwar it-traġedja li seħħet fit-Tijatru Apollo ta’ Londra. Indarbu 79 ruħ qalulna, 9 minnhom gravi. Issemmew xi anedotti dwar kif xi nies preżenti stħajlu lilhom infushom ġewwa minjiera tant kien hemm trab. Il-qarrejja qalhet li waqa’ “soffett” (sic) u imbagħad ħarġitilna l-coup de grace: “B’xorti tajba ma weġgħux Maltin”. Tiskanta. Kienet tgħaddi din il-frażi, qisha m’hi xejn. Imma filfatt hija riflessjoni ta’ kif jaħsbu bosta nies.
Fejn taf sinjorina qarrejja tal-aħbarijiet tas-Super One? Forsi mhux ix-xorti li żammithom il-bogħod mit-tijatru drammatiku lok ta’ drama. Forsi il-Maltin li qiegħdin għall-btajjel Londra kienu bieżlin ġo Oxford Street u Primark jimlew il-basktijiet tax-xiri u jistgħanaw f’orġja kummerċjali minn dawk li tant tfantas biha l-Onorevoli Cardona. Mhux għalihom il-ħin moħli jaraw ir-reċta dwar “The curious incident of a dog in the night”. L-għażla wisq probabbli tmur fil-kjuijiet quddiem kaxxieri tal-ħwienet tal-High Street Londoniża, jimbuttaw, jixxalaw u fuq kollox jixtru. Is-sentiment popolari hemm qiegħed, taf int. Il-kejl tagħhom, il-kejl tagħna lkoll.
U b’xorti tajba ma jweġġa’ ħadd.
WARNING: You might find the content of the following video offensive. I’m afraid it might be terminal and it could be too late for a cure. Press play at your own risk.
One reply on “B’xorti tajba”
Beautifully observed. Island mentality at its best, or worst.
I wonder if there’s an inversely proportional relationship between “island size” and “extent of island mentality”?
Maybe someone should conduct some research into this. And then possibly find a cure?