Iddeskrivi lilek innifsek f’mitejn kelma. Mitejn.
Kemm tiflaħ tgħid f’mitejn kelma? X’tip ta’ arbitrarjeta’ hi din? Mitejn kelma miżgħuda tifsir jewilla mitejn mot imlissen b’mod frivolu u qarrieqi li jsawwru maskra – satret il-verita. Tabilħaqq. Għax mill-kelma jsir kollox. Fil-bidu kien hemm il-kelma. U kelma, kelma bi ftit tajn u bżieq sawwar il-bniedem. Ikun minnha skont kelmtu u jgħid biss kelma waħda… u taf int.
Bil-ħeffa titlissen u taħrab eħfef minn fuq ponot ilsienna – ħielsa mill-għarbiel tal-ħosbiena, eħles mill-elf ħsieb ivenvnu ġewwa l-moħħ fit-tellieqa għall-bieb ta’ barra. Il-bokka tal-espressjoni, il-ħalq li toħloq u twelled l-aħħar kelma qabel ma titwieled dik li jmiss. Tkun rebħet setgħana u issa tirrenja bla xkiel. Intagħżlet minn fost il-ħafna bħala il-kelma, anzi, IL-KELMA.
Minn ġewwa l-epididime tal-menti issieltu u terrqu bejniethom il-leġjun ta’ ħsibijiet sabiex fl-aħħar minn fosthom intagħżlet waħda – dik il-kelma li welldet l-idea – li intagħżlet għall-pass li jmiss tal-kreazzjoni assoluta. Imbagħad tibda t-tellieqa li jmiss. Għax bħall Battista qabilhom, kull kelma li titwieled tkun biss qed twitti it-triq għal dik li jmiss.
Kelma, kelma. Jinbena f’suret il-ħallieq il-jien, u lil hinn minnu jinbnew oħrajn f’suret ta’ qabilhom.
Iddeskrivi lilek innifsek f’mitejn kelma. Mitejn.
U ħsiebi bħal għama….