Categories
Mediawatch Transport

Tenderly by Xarabank

tenderly_akkuzaKelli ngħaddi siegħa ċ-Ċirkewwa waqt l-aħħar mawra tiegħi f’Malta. Kien waqt dawk is-siegħat kiefra ta’ wara nofsinhar fejn id-dell isir iktar prezzjuz miż-żejt u fejn kull taħrika ta’ ġismek tkun kawża ta’ gelgul ta’ għaraq ibelġen ma’ tul is-sinsla ta’ darek. Ipparkjajt fejn it-Terminal, kont qed nistenna’ ‘l xi ħadd biex niġbru minn fuq il-vapur. Kelli stennija. Tfajt lenti quddiem is-sigarett u qabad waħdu. Ħa naraw ftit.

Mill-parkeġġ stajt nara u nosserva ir-ritmu alternanti taċ-Ċirkewwa nhar ta’ Ġimgħa. Jinġemgħu n-nies għat-traġitt li jmiss u tiżdied magħhom it-tensjoni u l-kaos. Karozzi fuq xulxin, nies mexjin f’nofs it-triq mingħajr ħsieb għat-traffiku, u xemx. Ħafna sħana u nervi. Dak li suppost qed jidderieġi il-karozzi fir-ringieli ta’ stennija għal fuq il-vapur ilha li qabżitlu. Għalxejn il-biċċa ma għonqu biex tilqa’ il-galluni ta’ likwidu inixxu minn moħħu. Qabżitlu, u bir-raġun.

Ilħaqt rajt ukoll in-nies jinġemgħu fuq l-istand tax-xarabank biex jistennew dik li jmiss. Daż-żmien m’għadux żmien il-45. Valletta-Ċirkewwa via kull raħal li setgħu ideffsu. Le issa hemm diretti mill-Belt, mill-Ajruport, minn Tas-Sliema u iktar. Frott l-Arriva u l-ippjanar ġdid tar-rotot. Imma l-Arriva m’għadhomx hemm. Keċċewhom. Għamlulhom ħajjithom infern u ma setgħux ħlief iparpru.

In-nies jinġemgħu fuq l-istand. Parti mit-Terminal ġdid fjamant dan. X-xemx tispara diretta fuqhom. L-ebda dell ma jwennes. L-istand għandu taparsi saqaf tal-ħġieġ li ovvjament ikun inħareġ tender u rebħu xi perċimes li ipprovda naqra ta’ saqaf trasparenti babaw – trasparenti x’ċuċ hu t-tender. Insomma żgur ma hux xempju ta’ arkitettura prattika u dan jixhduħ il-mijiet ta’ passiġġieri li jispiċċaw jinqlew jistennew il-misħuta Xarabank filwaqt li jgħidu rota rużarju bit-tama li l-erkondixin jaħdem.

N-nies jistennew fuq l-istejġ "fid-dell".
In-nies jistennew fuq l-istejġ “fid-dell”.

 

Iżda laqtuni l-iktar ix-xarabankijiet. Ma kienx hemm waħda bħal l-oħra. Addio l-uniformi ta’ l-Arriva. Ismijiet taż garaxxijiet differenti u numri imwaħħlin ta’ kafkaf bil-kartun. Naħseb għoddejt seba’ kumpaniji differenti tal-kowċis li ipprovdew xarabank għas-servizz pubbliku. Kien hemm minnhom li kont tisma’ s-sħana tidgħi weħidha minn ġewwa qalb is-sedili miksija drapp oħxon u pattern tal-leopard. Basta bil-purtieri imdendla biex taparsi jilqgħu ix-xemx.

Dak il-ħin kien ovvja x’ġara iktar minn qatt qabel. Ta’ Tagħna Lkoll kienu telgħu bl-għajta tar-riforma. L-ewwel qażżu ‘l Alla u oħtu jeqirdu dwar is-servizz li suppost kien tan-nejk u kif telgħu qabdu qabda mat-tedeski sakemm parpru ‘l hemm. Imbagħad biex taparsi “salvaw” is-sistema qabbdu xeba’ karozzi privati u garaxxijiet biex jaħdmu fuq ir-rotot. Sabiħa din. Is-sussidju tal-gvern li qabel kien imur għand kumpanija li għamlet l-għalmu tagħha biex tlaħħaq mal-idjosinkraziji ta’ pajjiż miġnun issa tqassam bħaċ-ċejċa lil numru ta’ kumpaniji privati biex taparsi isoddu it-toqba.

Customer care u ngħid. Kullħadd mgħaffeġġ, vidjos ta’ xufiera li jiġi f’idejhom l-isteering, korteżija li splodiet barra t-twieqi u t-temperatura dejjem tiela. Imma l-ġaħan ferħan għax ir-rivoluzzjoni soċjalista saret għal ġieħ il-poplu. Servizz tagħna lkoll li bih paxxa erba’ prieċem tal-garaxxijiet li ħelsu mix-xarabankijiet li kellhom fuq żaqqhom u qed idawru sold bis-sussidji tal-poplu. Mela żikk. L-aqwa li meta jmurlek id-dawl jidhirlek il-Ministru jitfantas fuq xi ex gratia payment li lanqas tiswa rota ta’ karrellu tal-lidl. U meta jmurlek id-dawl għal erba’ u għoxrin siegħa ftakar li tort ta’ Gooonzi u boiler number 7.

Ara biss taħseb li qed jitnejku bik f’wiċċek u jħalluk tinqela’ fix-xemx ġewwa ċ-Ċirkewwa tistenna x-xarabank sura li donnha ma hi se tasal qatt.

Facebook Comments Box