“Mhux fjer. Korrotti. Ħbieb tal-Ħbieb. Issa jmiss lilna. Issa daqshekk. Roadmap. Tagħna lkoll. Gvern ta’ Kullħadd. Għal kullħadd. Tagħna lkoll. Neħilsu iċ-ċittadin mil-jasar u mit-tgħakkis tal-kontijiet. Tagħna lkoll. Tagħna lkoll.”
Xi krexxendo sabiħ. Ifjen mill-oħla kant tal-knejjes kattoliċi. Il-kant tal-emmna fejn il-kelma hija il-qofol ta’ kollox. Verbum Dei. Il-kelma issawret fl-imħażen tal-partit u twasslet ma’ l-erbat irjieħ mill-qaddejja tal-mexxej. Għax hekk isiru l-affarijiet. U sabet art għammiela fost ċittadini skuntenti u nibtet iż-żerriegħa tat-tama għax forsi xi darba jmiss lili wkoll. Għax għalhekk għammiela… għammiela bil-bżonnijiet ta’ l-individwi li x’iktarx jiġu ala bieb għajnhom mill-bżonn u ġid komuni.
Imma l-kelma tal-profeta mhix biżżejjed. Kelma torbot fid-dinja tal-irġiel, u l-irġulija tiswa mitqla deheb. Imma mhux dejjem. Jekk int kelmtek tiswa daqs l-arja li toħroġ minn fommok meta tlissinha u daqs dik l-istess arja togħsfor fl-eteru mingħajr ebda xkiel allura tibda titlef il-kredtu. U jekk kelmet il-profeta tal-abbundanza kienet li se jibni kastell fi żmien sentejn u li permezz ta’ dan il-kastell ser iraħħas u jtejjeb ħajjet kullħadd – allura jew tkun dik kelma soda u tajba, jewilla tkun kelma fiergħa.
U jekk biex jurina kemm hu tost u ċert (ċertissimu), il-profeta jaħlef pubblikament fuq it-televiżjoni illi jekk ma jsirux l-affarijiet skont kelmtu allura jwarrab, allura iktar u iktar nippretendu li jekk dak li ingħad li għandu jseħħ ma seħħx għandu iwarrab. Kwistjoni ta’ irġulija jekk xejn. Kwistjoni ta’ kelma li tiswa mitqla deheb. Kwistjoni li tibqa’ titqies ta’ bniedem serju u mhux ta’ bniedem tal-kelma fiergħa.
U x’jiġri jekk il-kastelli li bnejt ikunu biss kastelli fl-arja? X’tiswa iktar kelmtek meta tiċħad is-sewwa magħruf? X’tiswa int u x’jiswew ta’ madwarek jekk tibdew tagħżqu bi kliem iktar fieragħ u faċċjoliżmi minflok ma terfgħu responsabilta li tkunu irbatt ruħek biha?
Muscat kien qal li jirriżenja jekk ma jitlestiex il-power station sa’ Marzu tal-2015. Issa reġa bdielu. Jaf lil jekk lin-nies iwiegħdhom roħs fil-kontijiet – jiġri x’jiġri – jaf iżomm dik l-art għammiela bi kwieta ftit ieħor. Sadattant Mizzi intbagħat jagħżaq b’akkużi oħra dwar għemil il-gvern passat sabiex jiddevja ftit l-attenzjoni minn nuqqasijiet ta’ dak ta’ llum. Għax għadhom jaħsbu li n-nies ċwieċ. Għadhom jgħodduhom bħala boloħ, li basta twiegħdhom ftit ċejċa u jkunu lesti jaħfrulek li tkun gdibtilhom f’wiċċhom.
Għadu, Muscat, ixejrilna il-pipa ta’ Magritte f’wiċċna. Għadu jirkanta kelmtu għal dawk l-imzazen li lesti jixtru bl-irħis. U kull ma jmur dik il-kelma qed titlef il-valur.
Kull ma jmur il-votant qed jitgħallem dan Muscat fiex isarraf.