Għażiż tesserat,
Wisq probabbli ma nafekx u jekk nafek m’aħniex ħbieb minn ta’ ġewwa (kif jgħidu… ma nieklux kirxa flimkien). Xorta nixtieqek tippermettili ngħidlek kelma … tismagħni… kif sar wisq moda li ngħidu f’dawn iż-żmienijiet. Għandi xi ngħidlek u nixtieq ngħidulek għax il-vot tiegħek għada jikkonċernani ukoll – din id-darba iktar minn qatt qabel.
Forsi smajt bijja, forsi le. Blogger ukoll jien. Wieħed minn ta’ l-ewwel kieku – bdejt nibbloggja fl-10 ta’ Marzu 2005 u kont minn ta’ l-ewwel li għaraft l-utilita’ ta’ dan il-mezz tax-xandir f’Malta. Jafuni bħala l-akkuża għax biex għażilt isem is-sit tiegħi tnebbaħt minn kittieb u attivist franċiż ta’ żewġ sekli ilu li ma kienx jaf jżomm sieket quddiem inġustizzji. Emile Zola kien kiteb ittra miftuħa – magħrufa bħala J’accuse – fejn kien akkuża lill-istabbiliment u gvern tan-nuqqasijiet tagħħom u kixef il-ksur tal-liġi minn naħa tagħhom speċjalment fejn naqsu milli jirrispettaw id-dinjita’ tal-bniedem. Jien minix bi ħsiebni nakkuża lil ħadd illum. Kemm ngħidlek pero li kemm ilni nibbloggja ilni inwissi li s-sistema tal-partiti li għandna illum (sistema li saħansitra ġiet ikkonsolidata fil-kostituzzjoni u l-ogħla liġijiet ta’ pajjiżna) se twassal għal tiġrija lejn il-qiegħ.
Is-Sewwa
Iva. Sa mill-bidu (u anki qabel ma kont nikteb fi blog) kont għaraft li l-partiti ta’ pajjiżna ma huma xejn ħlief magni meħjuma u mibnijin biex isarrfu l-aspirazzjonijiet ta’ l-ambizzjużi fil-kilba tagħhom għall-poter. Kont għaraft li bilmod il-mod kienu ħallew warajhom il-prinċipji jew valuri li suppost kienu iħaddnu u minflok saru parti minn xibka dejjem titwessa ta’ interessi pekunjarji. Pajjiżna ma kienx baqagħlu min imexxih għaliex ma kienx għad baqa’ ideat imsejsa fuq valuri u proġetti għal futur aħjar għas-soċjeta. Minflok, kull ma jmur, rajna jiżviluppaw ġenerazzjoni ta’ politiċi li jgħixu biss għal din il-magna: biex jisquha u biex jieklu minnha.
Għal ħafna żmien kont (u sa ċertu punt għadni) nemmen li l-uniku ħaġa li twassal għal bidla ta vera fil-pajjiż kienet tkun il-mewt tal-partiti l-kbar. Minkejja li kien kważi impossibbli, għal ħafna żmien kont nemmen li jekk tielet u raba partit jirnexxilhom jiżżerżqu bejn iż-żewġ partiti l-kbar forsi kien jitkisser iċ-ċirku vizzjuż. Iż-żmien għadda u ċ-ċirkostanzi inbidlu. Fl-aħħar elezzjoni, konxju tal-qiegħda imwiergħa tal-pajjiż f’dak li għandu x’jaqsam mal-breakdown istituzzjonali u l-firxa ta’ korruzzjoni, għażilt li nitfa’ il-ftit piż tiegħi wara l-koalizzjoni li kienet qed twiegħed bidla. Konvint li ħafna ma fehmux li l-koalizzjoni ma kenitx is-soluzzjoni imma kienet l-uniku għażla li kien għad baqa’ f’tentattiv iddisprat li jirbaħ is-sewwa fuq il-korruzzjoni, fuq it-tmermir istituzzjonali. Il-koalizzjoni tal-Forza Nazzjonali kienet il-bogħod milli tkun perfetta u bagħtiet ħafna minħabba l-indifferenza ta’ bosta lejn l-idea li wieħed imur oltre l-idea ta’ partit wieħed, klassiku.
Nafu kif spiċċat dik l-istorja. Niżbaljaw pero’ jekk naħsbu li l-ħsieb wara l-koalizzjoni, l-ħsieb wara l-għaqda kontra l-korruzzjoni kien wieħed ħażin sempliċement għax ma rebaħx elezzjoni. Is-sewwa mhux dejjem jirbaħ. Għallinqas mhux mill-ewwel u speċjalment meta isib kontrih il-magni tal-korruzzjoni, tal-klijenteliżmu u taċ-ċejċa. Iktar u iktar mhux se jirbaħ meta kull ma jmur qed naraw li l-elettorat (jew il-biċċa tiegħu li tgħodd numerikament biex jifforma gvern) jippreferi fuq kollox il-filosofija ta’ l-aqwa li jiena sew. Anki meta iffaċċjat bl-iktar każijiet ovvji ta’ korruzzjoni. Anki meta t-tmermir sistemiku tal-pajjiż li se jħallu lil uliedhom qiegħed f’wiċċhom.
Ftit paċenzja oħra u ismagħni, tesserat. Il-partit tiegħek qiegħed fejn qiegħed illum għax għażel li ma jilgħabx il-logħba faċli u populista. Taħt Simon Busuttil għażel li jkun fuq quddiem bl-għajta kontra l-korruzzjoni. Din mhix sempliċement kwistjoni ta’ fejn sejrin il-flus. Din kwistjoni ta’ fejn sejjer il-pajjiż.. fejn jagħżel li se jkun ħames u għaxar snin oħra. Busuttil kien il-mexxej fis-siegħa tal-bżonn tal-partit… bid-difetti tiegħu ukoll, b’dik l-oratorija daqxejn irritanti, dik l-arja ta’ abbatin naqra iktar irritanti IMMA Busuttil għamel bħal ma għamel ħafna drabi il-partit nazzjonalista fil-passat. Għażel triq tas-sewwa. It-triq bla kompromessi. Issa kullħadd għaddej ġmielu jirrepeti il-mantra laburista – li kien wisq negattiv. Ma nistax nimmaġina pero x’ippretendew li jagħmel jekk mhux li jaġixxi kif għandha tagħmel oppożizzjoni vera li tkun għassa tal-prinċipji bażiċi ta’ rappreżentanza u demokrazija.
M’inix nazzjonalist
M’inix nazzjonalist u wisq inqas ma jien tesserat. Personalment ma nemminx f’tesseri ta’ sħubija f’partiti politiċi, speċjalment taħt is-sistema Maltija. Meta niġi biex nivvota nara x’qed jgħidu u joffru l-kandidati u nagħżel dak il-ħin. M’għandi l’ebda lealta’ għamja. Fl-1991 pero bdejt fil-politika fil-partit nazzjonalista. Proprjament konna grupp ta’ xi 30 żgħażugħ u żgħażugħa li ifformajna l-MZPN Għawdex. Konna attivi fil-laqgħat ta’ djalogu fi żmien it-tkattir u twessiegħ ta’ prinċipji veri. Tiftakarhom forsi : Solidarjeta’… dejjem… kullimkien. Sussidjarjeta’. Kien żmien li Malta mingħalina bdejna nedukaw rwieħna dwar it-tħaddim ta’ soċjeta miftuħa u demokratika. Ta’ sbatax il sena tkellimt f’laqgħa ta djalogu f’Marsalforn u niftakar li Eddie kien ikkongratulani (żgur bħal ma kien jinkoraġġixxi lil kullħadd) dwar id-diskors tiegħi dwar kif l-għaqdiet għawdxin għandhom jiġbdu ħabel wieħed.
Dak iż-żmien imexxi grupp ta’ żgħażagħ ħabrieka kellna lil Chris Said. Ilħaqt imbagħad tbiegħdt mill-partit għax ħassejt dik il-mewġa ġejja bilmod. Dik l-istess mewġa li issa tissemma għax iddejjaq lil ħafna. L-arroganza, in-nuqqas ta’ smiegħ, is-suspett li hemm klikkek kontra klikkek u kullħadd jiġbed għal djul għajnu. Dejjaqni ħafna ukoll għax kont bdejt nara partit li waqaf ikun mexxej fl-ideat. Minflok, waqt li kien jinħeba wara ħafna paroli ta’ smiegħ u valuri kien minflok spiċċa ukoll ikun populista Kont tinduna mill-kandidati li jintagħżlu mhux għax tajbin jew għax għandhom kwalitajiet u ispirazzjonijiet politiċi tajbin imma għax iġibu xi vot jew tnejn. Imbagħad tara fazzjonijiet jiffurmaw biex t-tali jilħaq ministru, t-tali għandu n-nies “tiegħu” u kull ma jmur tinduna li l-politika ftit li xejn tissarraf f’ideat oltre l-ħsieb ta’ lukru.
Imbagħad kien hemm il-mument fejn il-PN nixef għal kollox mill-ideat. Kien il-mument wara li Malta ssieħbet fl-Ewropa. Ma kien baqa l-ebda utopia għall-futur li tipprovdi l-metru tal-ħidma politika. Kaxkarna ftit ieħor taħt il-gwida għaqlija ta’ Lawrence Gonzi pero il-partit kien ilu li spiċċa minn ġewwa. Il-kollass kien se jasal minn mument għall-ieħor. U wasal meta sab il-mostru tal-klijenteliżmu quddiemu. Il-fenomenu Muscat kollha nafuh. M’huwiex fenomenu interessanti għal min jemmen fid-demokrazija u fil-valuri tal-liġi tad-dritt. Huwa fenomenu inkredibbli minħabba s-suċċess li kellu darbtejn fuq partit li kien ilu li għaddielu l-expiry date.
Futur fis-Sewwa
Daqt nispiċċa tibżax. Għada int mistieden tagħżel il-“kap” tal-partit. L-għażla issa bejn tnejn. Hemm Adrian Delia illi jidher li qed jikseb popolarita’ b’rata mgħaġġla. Miss qalb ħafna minnkom, forsi anki lilek, speċjalment meta flok spjega fil-konkret kif se jbiddel il-partit intefa jlissen kliem l-innu psewdo-faxxista tal-partit. Għad hawn ħafna li mhux qed jifhmu d-dieqa li jħossu u li jaħsbu li l-malinkonija tagħħom – “l-uġiegħ” kif iħobbu jgħidu – huwa frott tat-“telf” li ġarrbu dan l-aħħar. Li mhumiex jindunaw hu li dak li jonqoshom m’huwiex partit li jirbaħ imma partit li jaġħżel is-sewwa bħal ma kien fil-passat. Għadhom irrabjati għaliex ma “rebħux” l-aħħar elezzjoni u jemmnu li allura din tal-korruzzjoni bilfors kienet gidba – xi spin qarrieqi u li għalhekk issa huma itturufnati fil-wied tad-dmugħ. Kliem Delia sabiħ f’dan id-dawl għax iwiegħed rebħ u tiġdid u li ma jibqax ikun partit (fi kliemu) “negattiv”. Attent pero tesserat. Anki meta tqis il-partit qabel il-pajjiż nistiednek tqis sew.
Il-partit nazzjonalista (u kull partit ieħor) m’huwiex l-innu, m’huwiex il-carcade, m’huwiex il-pick and mix ta’ valuri konservattivi biex kumbinazzjoni jintogħġob mas-saff tal-elettorat li huwa maggoranza fost it-tesserati (over 60s), m’huwiex bandiera jew simboli. Tista’ iddum issabbat fuq sidrek u tgħajjat b’rabja qisek Mikiel Falzon isejjaħ l-iljuni. Il-partit veru hu dak li jagħraf jinseġ storja ta’ valuri li tkompli tibni fuq kisbiet passati. Li tiċċita x-xogħol, ġustizzja u liberta, is-solidarjeta, u d-djalogu ma hux kliem fierah imma il-bidu ta’ riforma ġdida li xogħla għandha tkun li ttejjeb id-determinazzjoni ta’ saff importanti tal-poplu li għal darba oħra ikun it-tarka ta’ dak li hemm bżonn għall-futur ta’ nazzjon.
Biex temmen f’dan kollu trid tkun tħaddan il-politika umana bħala punt ta’ tluq u tħaddan ukoll ir-rieda li fi spirtu demokristjan aġġornat għaż-żminijiet tal-llum tkun ippreprat titqabad għal dak li temmen fih. Fuq kollox trid tkun temmen li qabel ma tivvota biex tibni partit rebbieħ, tivvota biex tibni partit ġust li jemmen fil-ġustizzja. Trid temmen verament li jitkompla x-xogħol siewi ta’ dawn l-aħħar tletin sena u tasal biex tagħżel dak li l-iktar jiggaranixxi t-taqbida fit-triq għas-sewwa.
Is-sewwa jirbaħ żgur.
2 replies on “Ittra miftuħa lil tesserat tal-partit nazzjonalista li se jivvota għada”
Jacques, you are a beautiful dreamer!
My bet: Dr. Delia, by a country-mile!
Hope the PN members will actually read this before voting.