Categories
Mediawatch Rule of Law

Id-Dehen lil min jaħkimha

Għaliex 40,000+ qatt ma huma se jkunu biżżejjed biex jirbħu lura ruħ pajjiżna

Kattolċi, Latini u Ħaddemin

Il-Malti huwa poplu nisrani. Hekk għadha tistqarr l-ogħla liġi ta’ pajjiżna : “Ir-reliġjon  ta’  Malta  hija  r-Reliġjon Kattolika Apostolika Rumana.” (Artiklu 2, Kostituzzjoni ta’ Malta). L-innijiet taż-żewġ partiti li jissieltu għat-treġija tal-pajjiż it-tnejn jassumu li qed iwettqu r-rieda t’Alla. Min (il-laburisti) iwettaq ir-rieda t’Alla tal-għaqda bejn il-bnedmin u min (in-nazzjonalisti) lesti jissieltu għal arthom “Għax Alla magħna”. L-innu nazzjonali ma hu xejn ħlief talba lill-ħallieq sabiex iħares l-art u lil min imexxiha.

Il-Malti huwa poplu nisrani. Hekk għadha tistqarr l-ogħla liġi ta’ pajjiżna : “Ir-reliġjon  ta’  Malta  hija  r-Reliġjon Kattolika Apostolika Rumana.” (Artiklu 2, Kostituzzjoni ta’ Malta). L-innijiet taż-żewġ partiti li jissieltu għat-treġija tal-pajjiż it-tnejn jassumu li qed iwettqu r-rieda t’Alla. Min (il-laburisti) iwettaq ir-rieda t’Alla tal-għaqda bejn il-bnedmin u min (in-nazzjonalisti) lesti jissieltu għal arthom “Għax Alla magħna”. L-innu nazzjonali ma hu xejn ħlief talba lill-ħallieq sabiex iħares l-art u lil min imexxiha.

Anki fiż-żminijiet ta’ llum dan il-wirt reliġjuż għadek issibu jekk tigref ftit taħt is-saffi tal-maskra tal-modernita’. Jekk xejn għadek issib dik it-tama li l-mexxejja tal-pajjiż jsaltnu bid-dehen tant mixtieq sabiex kemm “is-sid” kif ukoll “il-ħaddiem” jistagħnew f’għaqda. Id-dehen lil ħakkiem, il-ħniena lis-sid u ‘kk Alla jrid naqra saħħa lill-ħaddiem.

Dun Karm kiteb il-kliem tal-innu fl-1922 u meta fl-1941 dan sar l-Innu nazzjonali konna għadna taħt il-ħakma tal-barrani. Peress li Dun Karm ma kienx ħa gost meta ippruvaw ibiddlu xi versi forsi għalhekk il-kelma “jaħkimha” baqgħet – anki meta Malta ħelset mill-ħakma barranija u l-poplu ta’ ħaddemin u sidien beda jagħżel hu lil min imexxih.

Mexxejja

Il-kult tal-mexxejja tkattar mill-indipendenza ‘l hawn. Il-partiti ma jiddejqux jgħidu li għandhom “mexxej” b’kult kważi messjaniku li jdawwar lil dawn ta’ l-aħħar. Il-mentalita tal-ħakkiema baqgħet tieħu r-ruħ u l-mexxejja u l-partiti tagħhom ħadu post il-barrani ħakkiem. Repubblikani iva, ċittadini ħielsa bid-dritt tal-vot iva, imma qajla fhimna li s-sovranita’, li l-poter, li s-saħħa aħħarija hija f’idejn il-poplu. Intlifna fit-tribalita’ insensata tal-partiġġjaniżmu sfrenat u ma bqajniex ngħassu fuq dawk li fdajnilhom ir-riedni tal-pajjiż.

Sadattant is-sid li tant tlabna li jkollu ħniena rabba l-ħażen u sawwar xibka ta’ poter mal-mexxejja tagħna u ftit ftit ħa posthom fuq it-tron u d-destin tal-pajjiż kien f’idejħ. L-iżviluppatur, il-businessman, il-kuntrattur – kollha saru l-għajn li minnha kellhom bilfors jixorbu il-ħakkiema. U minkejja il-wiegħdiet ta’ żmien aħjar, ta’ xogħol, ġustizzja u ta’ liberta’ bil-mod il-mod il-ħaddemin u ċ-ċittadini sabu arthom mibjugħa biċċa biċċa. Sabu ġidhom imberbqa, drittijiethom imkasbra u sfaw barranin f’pajjiżhom stess.

Quddiem il-wiegħdiet ta’ għana, ta’ frugħa u ta’ l-aqwa żmien il-Malti għażel li jinsa’ jixtarr minn fejn suppost ġej dan il-ġid kollu. Għażel li l-aqwa li t-triba tiegħu hija minn fuq, li butu jidher li qed jistagħna u li jiġri x’jiġri dawk m’humiex fil-poter. Imbagħad għall-bqija jara Alla. Iva Alla. Dak tad-dehen lil min jaħkimha.

Tħażżinna wisq

Imma tħażżinna wisq. Jekk qabel il-mexxejja kienu diġa tilfu l-għaqal u bdew iberbqu ġidna f’isem il-progress. Jekk qabel l-arloġġ tal-lira, iż-żieda tal-500 ewro u l-ispekulazzjoni bla rażan kienet bdiet żifna kerha mal-kuntratturi u sidien. Issa kull sens ta’ kontroll tar mar-riħ. Issa il-meritokrazija li tant ittrumbettaw dwarha qed tintuża biss biex jitnaffru l-istituzzjonijiet, biex jissikket kull kontrol, biex ħadd ma jikxef li mid-dehen ma baqa’ xejn.

Meta Ministru u l-Kap tal-Kabinett tal-Prim Ministru jinqabdu bi struttura finanzjarja li se tirċevi 5,000 ewro KULJUM suppost dan ikun biżżejjed għall għaref Malti li ma jħallix min jitnejjek bih biex jgħidilhom iwarrbu l-barra.
Meta imbagħad isir jaf li l-flus ġejjin minn kumpanija li sidha huwa parti minn konsorzju li lilha ingħataw ħafna flejjes tal-poplu, allura hemm is-soltu il-Malti iqum kburi u jgħid “Issa Daqshekk”.

Meta isir jaf li l-kuntratt tax-xiri tal-fuel jorbot lil Din l-Art Ħelwa li tibqa tixtri bit-telf għal tmintax il-sena (dan kollu waqt li l-Ministru u Schembri jibqgħu idaħħlu 5,000 ewro KULJUM) allura hemm is-soltu l-Malti patrijott, għaqli u b’saħħtu joħroġ b’għajta waħda – BARRA!

Lanqas ma hemm għalfejn li l-Malti jistenna li tinqatel b’mod oxxen ġurnalista sabiex jinduna li issa inqabeż kull limitu ta’ diċenza. Jinduna li żmien il-ħolm spiċċa. Li issa hu għandu jieqaf lil kull min irid minkejja kollox jibqa jkattar dawn l-oxxenitajiet.

M’għadux żmien li inħallu f’idejn Alla. Maltin ta’ rieda tajba. Maltin laburisti, Maltin nazzjonalisti, Maltin li m’għadx għandhom partit. Kollha għandhom jingħaqdu u jirbħu lura r-riedni tal-pajjiż. L-ebda maġġoranza ma qatt se ssewwi dan id-deni u ħażen li biha iċċappsu il-ħakkiema.

Fuq kollox m’għandhom iħallu lil min jipprova juża l-vot tagħhom bħala xi tip ta’ permess biex ikompli jistagħna minn fuq darhom.

Nagħlaq b’poeżija ta’ Rużar Briffa. Poeżija miktuba fi żmien ieħor, taħt mexxejja oħra imma li taf titfa’ dawl fuq il-kriżi ta’ llum.

Facebook Comments Box