Poezija ta’ Antonio Tufigno
Kelb kien xamm riħa ta’ ħami,
Beda jinbaħ bla waqfien
Bil-frakass u l-kjass li għamel
Gozz widnejn qamu flimkien.
B’dan l-allarm hekk tqajjmu l-ħnieżer
Ġo nofs raqda b’naħra fonda
Kontra qalbhom iċċaqalqu
Ħarrku ftit is-sonza tonda,
Għax kien hemm min qed josserva,
Xi falkuni hekk frustieri.
Ma setgħux fit-tajn jiċċaftru
Jew jinħbew fil-kantunieri.
Konfrontati bl-għajnejn fissi
Tal-għasafar hekk attenti
Kellhom bla gost jiċċaqalqu
B’uġigħ kbir tas-sentimenti.
Hekk irħewlha jċafċfu ħafna
Qishom jiġru fuq il-bajd
Biex lix-xakall huma jdawwru
U jġibuh dahru mal-ħajt.
Ix-xakall ipprova jlebbet
Imma nqabad mill-ħniżrija
U ma riedx jitgħaffeġ waħdu
“Mhux ħa’ tagħmlu priża bija,
Jien nikxfilkom vittmi akbar
Noħorġilkom mill-widien
Il-ballottri l-aktar gwappi
Kif ukoll l-ikbar firien”.
Hawn il-ħnieżer waqfu tikka,
U bdew jaħsbu għax ġew f’dilemma;
“Nibżgħu minnhom, il-ballottri,
U l-firien li dana semma’ “.
Imma billi l-conversation
Kienet saret quddiem ġemgħa
Ma riedux għaż-żuffjett jaqgħu
U nedew ħadma sas-sema.
Mal-ballottra u l-firien varji
Fid-dlam sieket ta’ fl-għaxija
Lestew xibka b’għoqod spissi
Orkestrawlek porkerija.
Qalgħu ħafna konfużjoni,
Qatgħu barra lix-xakall
Rakkmaw ħafna teatrini
U anki temmgħu ħafna ħall.
Ġelldu lill-merħliet u ħawwdu
Iddevjaw ma’ kull konfront
Biex kulħadd jispiċċa għoqda
W huma biss ma jagħtux kont.
Però bħalma spiss wisq jiġri
Ħassew ruħom wisq mirquma
Ħasbu nfushom bravi ħafna
Ħafna iktar milli huma.
Dan nafuh, fil-ħażin dejjem
Jekk trid tagħlaq sew proġett
Mhux biżżejjed li tkun żiblu,
Għax trid tkun kattiv perfett.
Minn fejn tgħaddi tħallix marki.
Ifettillek tħalli traċċja,
U d-dnub tiegħek jinbet waħdu
U jispunta w dlonk jitfaċċa.
Dawn il-bhejjem hekk ġaralhom
F’daqqa nqabdu giddiebin
B’disprament mimli dnub kiefer
Daru ħodor għal xulxin.
Ġlied wisq għaxi, snien mikxufa
Gdim, theddid, daqqiet u dmija
Rieq u demm u għajnejn ħomor
Gozz flimkien f’orġja faħxija.
Din il-kobba kruha mxarrba
Tqattar ħniex u laqx tal-art
Wisq moqżieża baqgħet trembel
Tħallat deni, qżież u mard.
Ma ndunax min kien ġo fiha
Tant kien mehdi u sħun fil-ġlieda
Illi t-terrapien ta’ taħthom
Kien se jċedi għal għarrieda.
Batew wisq huma u jiżżerżqu
Għal ġol-preċipizzju skur
Għax ta’ rgħiba l-ġid li tilfu
Kien jagħtihom wisq dulur.
Baqa’ għal żmien il-krib jinstema’
Għadu jmadmad f’qiegħ il-wied
Għaliex anki għall-bhejjem slavaġ
Ma tgħoddx maħfra għal dad-dnubiet.