Categories
Mediawatch

Mintoff: il-verità jekk nigdeb

Ma jtikx li terġa tikteb dwaru. Mhux għalissa għallinqas. Mhux filwaqt li kull min kapaċi iħażżeż żewġ linji għaddej jara’ kif jagħmel iżid jgħid tiegħu dwar il-perit. Imma jien proprja mhux fuq il-perit xtaqt nitkellem. Xtaqt nitkellem dwar l-idoli u dwar min jgħożżhom. Xtaqt nitfa’ il-lenti m’għajnejja bħal ma għamlu Galilew u Koperniku u niskopri dan l-univers ieħor fejn nipprova nifhem għaliex għal bosta nies id-dinja għada ddur mal-perit, l-univers beda mal-perit u li forsi anki l-amerikani ma kienux jaslu bi Curiosity fuq Marte li kieku ma kienx għal kbir Duminku.

Jista’ jkun li mhux hekk ta’. Jista’ jagħti l-każ li wara kollox din hija bissa karikatura li tinħoloq mill-ilsna ħżiena u mill-peċluqa tar-raħal li ma xtaqux ġid lill-kbir perit (il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem avolja hu lill-Mulej ma tantx tah wiċċ). Imma xi ftit suspett għandi. Suspett li l-moviment popolari bħalissa iqarreb iktar lejn il-beatifikazzjoni tal-perit, iva bħalissa hemm mewġa lesta biex issaħħaħ mit li kien ilu magħna u li issa sabet ix-xoqqa f’moxtha. Dan u l-waqt tal-metamorfosi tal-bniedem li issa ser isir divinita’ assoluta u infallibbli.

Ikun hemm postilli, caveats u asteriski li jżidu xi ħsieb żgħir dwar difetti jew żbalji kommessi mill-protoidolu iżda dawn ikunu biss makkjetti żgħar li jkomplu isaħħu l-immaġini totali tal-ġgant popolari. Bħat-tapit Persjan li jrid bilfors ikollu difett biex ma jieħux għalih il-Ħallieq (li Hu biss Hu perfett) hekk biss jissemmew l-għeltijiet f’personalita li kull ma jmur tibda tikber grazzi għal narrativa popolari għaġġelija. Aħna kollha orfni issa. Hekk qalilna l-aspiranti Mintoff. Le xbin. Jien ma jien orfni ta’ ħadd. Dan bħall-Amerikani li l-għada ta’ 9/11 qalulna li We are all Americans now. Tiġrix. Missieri ħaj għadu, u ommi ukoll, għal grazzja tal-Mulej Alla.

Naf nidħol fiż-żifna ukoll u nfakkar lill-Mintoff Aspiranti li ommi kienet tgħallem fl-iskejjel li kienu se jingħalqu minħabba l-wirt tal-politika tal-idolu tiegħu. Naf ngħidlu li missieri kien wisq għal qalbu jaħdem ma ditta Ingliża sakemm ma għoġbux ikeċċihom il-ġgant ta’ Malta. Jien? Orfni ta’ dak? Ħożż fl-ilma. Imma nixtieq għal ftit inwarrab l-għamad taċ-ċirkostanza u nipprova nifhem għalfejn għal xi nies il-perit qisu sar parti integra mit-trinita’. Qaltilhom waħda anzjana lil tat-Times (tal-Black Monday biex niftehmu) li għaliha l-ewwel jiġi il-Mulej imbagħad wara jiġi Mintoff. Dik hi.

Mhux dak biss. Trid tara l-lessiku. Jitkellmu dwar “twemmin” u “fidi”. Iva mhux qed niċċajta. Bħala student tal-politika naf forsi nindikalek il-valuri li fuqhom jissejjes il-Mintoffjaniżmu. Naf nindikalek in-nazzjonaliżmu sfrenat imħawwar b’imħabba għal poplu u fuq kollox għall-ħaddiem u għal dak l-inqas privileġġjat. Għaldaqshekk faċli. Teħodlu ritratt ċar lill-Mintoffjaniżmu – il-politika fuq il-karta ċara. Ta’ daqshekk biss lest ninża l-kappell (kieku kont liebes wieħed) u nsellem lill-proto-soċjalist li beda biex ħaddan politika tal-ħaddemin kif jgħid l-innu.

Pero. U dejjem ikolli pero. Meta nara il-firxa ta’ dak li sar u dak li għamel ma nasalx biex inwaħħad il-ħsieb mat-twettiq. Ma niġġustifikax l-idoliżżar. Għax m’aħniex nitkellmu fuq Ġgant Mondjali. Iva nasal biex ninfoska lil dawk ta’ madwari li lesti joqtlu biex ifakkruk li m’għandix monopolju fuq is-sewwa oġġettiv. Fl-immaġni filosofika bosta drabi rajna lill-Missier Etern impinġi bħala perit kożmiku. Ma nistax naraha taħdem bil-kontra.

L-ewwel bużillis li insiblu lill-perit hija dik tal-pożizzjoni tiegħu fl-istorja – l-istess storja li għad tiġġudikah. Jien insejħilha l-inevitabiltà. Fil-qosor nemmen li dak kollu li sar fi żmien Mintoff kien isir xorta għax kien inevitabbli. Irritanti ħafna bħala ħsieb imma jekk ngħidlek li Malta fl-1945 kienet gorboġ ġebel li qed tiffaċċja perijodu ta’ rikostruzzjoni (bħall-bqija ta’ l-Ewropa) tgħdili giddieb?

U  jekk ngħidlek li kif jixhed b’għemilu Boffa ir-riforma tas-sistema soċjali kienet diġa bdiet tissawwar qabel ma l-Perit ħa over tajjarni giddieb? Jekk ngħidlek li bi flus ir-rikostruzzjoni u l-Għajnuna Marshall kien hemm biex nibnu skejjel u infrastrutturi tgħidli li qed ngħawweġ il-fatti? Jekk ngħidlek li l-universita b’xejn inbdiet fl-1970 taħt Borg Olivier tipprova għallinqas tgiddibni bil-provi u mhux bit-tgħajjir? Jekk ngħidlek li l-vot għan-nisa kien inevitabbli fi żmien it-twelid tal-familja atomika – kontx Bombay jew il-Belt – se tgħidli li far fetched? Jekk ngħidlek li l-istorja qatt ma hi se tgħidilna jekk stajniex morna aħjar b’ekonomija differenti fis-sebgħinijiet u mhux waħda immirata għall-illużjoni tal-awtosuffiċjenza se tmerini?

Ma nafx. “Allura”, nistħajlek tgħidli, “Ja ġifa, Mintoff għalxejn ma kien tajjeb?”. Le ħabib. Tqiegħedx kliem f-ħalqi. Meta qiegħdt il-ħġieġa m’għajnejja ammirajt il-kariżma tal-bniedem. Ammirajt ir-rieda tiegħu u n-nuqqas ta’ biża. Fl-utopja Mintoffjana ammirajt d-dinja aċċessibbli għal kullħadd mingħajr biża u mingħajr dipendenza fuq ħaddieħor. Dak ammirajtu. Ammirajt il-fatt li bħal Obama kien jaf iwassal ħsibijietu lill-parti tal-poplu li l-iktar xtaqu jisma (u le, m’hix oratorija għal kullħadd – inqas intelliġenti, imma min qal li trid tkun intelliġenti biex tkun effettiv?). Għallinqas ma kienx jitnejjek bin-nies bħall-politikanti ta’ llum. Kien jgħidlek x’irid u kif iridu.

Mintoff miegħi jiżloq fit-twettiq. Dak l-entużjażmu, dik ir-retorika u fuq kollox dak il-patt imsawwar mad-dgħajjef u l-ħaddiem. Qaluli trid taraha mill-perspettiva ta’ min ħajtu inbidlet. Jiġifieri xiex? B’għajnejn dawk li bħal eluf oħra madwar il-punent gawdew mir-rivoluzzjoni edukattiva ta’ wara l-gewrra? Sewwa wisq. Iva importanti ħafna din. Tfal sa’ sittax il-sena jistudjaw u jitgħallmu. Daqshekk ħafja fit-triq jew fuq l-Għajn ta’ San Bastjan. U x’iktar? Ix-xogħol? Id-domanda tiegħi hi fejn waqfu l-aspirazzjonijiet tal-perit (u magħhom tal-pajjiż)?

Ma ħoloqx ħolma amerikana – fejn min hu tajjeb jirnexxi u min hu ħażin jaqa’ u jerġa jibda. Le. kien hemm mument fejn waqaf u tilef il-boxxla. Industrija magħżula skond il-bżonn u ħsieb ta’ l-elit soċjalista. Edukazzjoni post-sekondarja imfarrka u sakrifikata fuq l-altar tal-għira lejn elit ieħor tal-passat. Allura x’sewa li toħroġ il-ħafja mit-triq sur Perit jekk imbagħad ma jistgħux jaspiraw biex jikbru u jsibu oriżżonti ġodda sakemm mhux sanzjonati mill-burdati tal-Maċina?

Għalhekk forsi jien ma nifhimx u ma tinżillix din l-idolatrija kurrenti li hawn madwar l-immaġni tal-perit. Fil-verita tiegħi għandi miżien u bih inkejjel il-ħolm u t-twettiq ta’ dak li qed jissejjaħ Missier u Salvatur. Issa apparti li din tal-Missier u Salvatur ma tixraqx fil-lessiku tagħna u hija iktar idonea f’xi kultura tal-Korea ta’ Fuq per eżempju. Imma il-miżien tiegħi jibqa dejjem b’effett aħħari nieqes. Bl-ingliż kieku ngħidu short changed. Dak il-ħafna promessi, dak il-ħafna ħolm u ideal ma ssawrux fl-aħħar.

Forsi lanqas Mintoff stess ma kien kuntent. Naf ngħidlek li wisq huwa probabbli li anki hu ddarras b’dawk li spiċċa imdawwar bihom. Xi Lorry Sant (idolu ieħor f’xi inħawi) li għalaq il-ħsibijiet grandjużi u l-aspirazzjonijiet sovrumani tal-perit f’morsa fallibbli ta’ soċjaliżmu a la carte. Il-pjanijiet grandjużi sabu ħajt fallibbli tal-korruzzjoni umana, tas-sakra tal-poter, tal-abbuż tal-poter u tal-eżaltazzjoni tal-massa injuranta li ma fehmitx ir-responsabilta’ li kienet iġġib magħħa l-emanċipazzjoni Mintoffjana fl-istat teoretiku tagħha. Kien jgħidilhom il-perit li kien ser ikollhom jagħmlu sagrifiċċi biex iwettqu dak li xtaqu. Forsi ma fehmuħx u forsi wara ftit xeba’ jipprova jikkonvinċihom.

Qaluli li lejn l-aħħar ta’ żmienu bħala Prim Ministru kien xeba u spiċċa jgħix Ħal Tarxien imdawwar ma xi ftit ħbieb u jgħum kuljum St Peter’s Pool. Qaluli li kien qata qalbu jissielet mal-għedewwa ta’ ġewwa ħafna qabel ma qata’ qalbu jissielet ma dawk ta’ barra. Kullħadd jixba u jgħeja jitqabad mal-fallibilità umana. Hawn min jitlifa’ mod u min ieħor. Qaluli ukoll li l-aħħar att kbir ta’ Mintoff (minbarra l-1998) kien meta dilek lil Karmenu biż-żejt tas-suċċessur. Qaluli li kieku ma għamilx hekk appik kien ikollna Sant ieħor Prim Ministru. Kien jagħmel rebus, dak, bl-inevitabiltà.

Ma nafx jekk dak li qaluli hix storja apokrifa. Li naf hu li l-personalita kumplessa li hija Dom Mintoff ma ħaqqiex status ta’ idolu. Ma ngħidx hekk b’disprezz jew b’rabja jew b’xi spirtu vindikattiv ta’ min beda ħajtu politika fuq il-qasam l-ieħor. Ngħid hekk għax l-istatus ta’ idolu huwa biss frott ta’ eżaġerazzjoni, karikaturi, iperbole u iva ta miti u emozzjonijiet. Hemm bżonn li l-figura ta’ Mintoff titneżża minn dan il-velu idolatra.

Imbagħad forsi iva, imbagħad l-istorja taf tiġġudikah.

La verité si je mens.

Nota: Qabel ma jieħu għalih xi iblaħ, l-immaġini li takkumpanja din il-bloggata hija ispirata mit-t-shirt famużissimu li kien iħobb jilbes il-kantant tal-Guns’N’Roses Axl Rose. Il-wiċċ fuq dak it-t-shirt ma kienx ta’ Mintoff. Kien tas-Salvatur.

 

Facebook Comments Box