Forsi din ma hix espressioni li l-grupp tal-facebook Kelma Kelma se jittratta b’daqstant faċilita. Mhux għax ma ħaqqhiex. Anzi. Naħseb li tikkwalifika sew bħala espressjoni mill-iprem fl-użu kurrenti tal-poplu Malti. In-natura ipokrita tal-Malti (il-bniedem mhux l-ilsien, jaħasra) ma tippermettix pero li titkellem dwar il-kurrenti u l-magħruf jekk il-kurrenti u l-magħruf huwa – kif isejħulu is-soċjologi – taboo. U s-sorm, kif kullħadd jaf, diġa huwa taboo minnu – aħseb u ara l-espressjoni li timplika teħid ta’ oġġetti mhux neċesarjament speċifikati fil-warrani.
F’kampanja elettorali bħal ma hi din is-sorm jispikka b’mod ubikwu mingħajr qatt ma jissemma. Filwaqt li fuq il-mezzi tax-xandir jagħmlu l-għolmu tagħhom biex jagħtu xejra ta’ diċenza u (għaliex le) serjeta professjonali f’kull dibattitu mimli retorika propagandistika, huwa fl-analiżi odjerna li ssir għand tal-grocer (kif xtaq Simon) li joħroġ veru l-ispirtu razzjonali tal-votant Malti u jissemma bil-bosta s-sorm (kif forsi ma xtaqx Simon).
“Smajtu lit-tali ilbieraħ? Ma felaħx jitkellem iktar minn sormu”. Kliem espliċitu, vera, imma indikazzjoni ċara tal-andament tal-affarijiet. L-apprezzament jaf ikun partiġġjan u jaf ikun diżilluż pero is-sorm hemm jibqa’. Tista’ ukoll taqa fir-redikolu venjali – l-isplapstick tas-satira – u tgħid li bilfors dak il-kliem kollu dwar il-gass minn x’imkien kellu joħroġ.
“Kemm se jdumu jeħduħ f’sormhom (bija – suġġettiv, bina – ġeneriku)?” Il-bżar fl-għajnejn, it-tlellix u x-xinxilli, iċ-ċejċa, il-propaganda u l-ispinn. Din l-espressjoni hija l-oażi ta’ rifuġju għal min xebgħa sal-ponta ta’ imnieħru bir-retorika antika, bil-wiegħdiet foloz u bir-riżma insulti għall intelliġenza. L-irkant tal-wiegħdiet forsi jaf jingħata post speċjali fil-mezzi tax-xandir – taf int, għal għajn in-nies – imma fil-privat il-proxxmu jiżżarma minn kull ewfemiżmu inutli u jfaqqa’ verżjoni mundana ta’ “Kemm se jdumu jeħduh f’għajnhom”.
Għax iva. L-għajn hija ewfemiżmu ukoll u tfakkar wisq fl-għajn bħala fonti jew sors li f’dal każ jissarraf biss f’sors ta’ inutilta … l-anti-google. Bħal meta tisma’, biex nagħti eżempju konkret, dik il-gidba dwar “id-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalita“. Ma nafx int imma demmi jibda jbqabaq. Bħal dak li qallhom kien krimini qabel l-1974 li tkun omosesswali. Mhux vera. Qed jieħduh f’sormhom bik meta jgħidulek hekk.
Il-krimini kien li proprja tieħdu f’sormok. Litteralment. U li tagħtih ukoll. L-orjentazzjoni sesswali kienet irrilevanti f’għajnejn il-leġiżlatur. Kien biss l-att – magħruf teknikament bħala sodomija – li kien illegali. Biex niftehmu sas-74 il-pufti (kif kellhom tendenza kerha isejħu lill-omosesswali dak iż-żmien) setgħu ikunu pufti kemm iridu. Li ma setgħux jagħmlu kien l-att as-sodomoija. U mhux huma biss – għax teknikament jekk kont tinqabad fl-att ma kienx se joqgħod jistaqsi jekk intix pufta jew le. Ftakar li il-fetiċċju li tieħdu f’sormok jaf ma kienx limitat għall-irġiel biss. U le il-ktieb ma jismux “50 Shades of Gay“.
Illum għal grazzja kbira m’għadniex nużaw it-terminu pufta avolja li għal żmien twil wara’ kienu l-istess psewdo-liberali ta’ nofs is-sebgħinijiet li baqgħu jużawha bħala insult – insult li jsib il-benniena tiegħu fil-biża u fl-injuranza. Pero ftakar. Meta jgħidulek li iddekriminalizzaw l-omosesswalita ma jkunu qed jagħmlu xejn ħlief jeħduh f’sormhom. Bik. Għax issa legali hux.
Ħabib tiegħi jirrakkonta storja li taf tkun apokrifa dwar Duminku Mintoff. Meta kien ikun irrabjat b’xi problema kien jgħid “Min se jiġi ineħħili dan iż-ż* minn sormi u jsibli sorm ieħor fejn nitfgħu?” Inkredibbli. Mhux talli l-lingwaġġ huwa popolari u ġenwin iżda huwa anki rikonoxximent tal-irwol importanti tal-warrani fejn jidħlu problemi u soluzzjonijiet. Jispikka ukoll l-altruwiżmu ta’ Dear Dom li ma kienx se jħalli xi ż* jiġri mas-saqajn.
“Naħseb kien b’sormha meta ħareġ biha”. Għax il-kelma għandha mitt użu u l-għodda t-tajba tiswa mitqla deheb f’idejn l-imgħallem. B’sormha… għal darb’ oħra insibu ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ sens. Għax jekk mhux qed jeħduh f’sormhom bik bi ħsieb allura forsi qed jiżbaljaw għax ħadu grokk żejjed il-każin.
Hemm qiegħdin. Wasalna f’punt fil-kampanja fejn iċ-ċittadin qed jirrikorri għall-espressjonijiet vernakulari iktar u iktar kull ma jmur. Iktar milli xebgħa huwa għajjien. Strafinit. Dak li jiġrilu. Jħalli lil min iħaddmu bi storbju, b’muntanja wiegħdiet u beżgħat. Minkejja li jaf x’qed jagħmlulu iħalli lil min jieħdu f’sormu bih.
U dakinhar tal-vot imur u jagħtihulhom… qisu qatt ma kien xejn. Ħasra. Għax bir-rata li għaddejin biha x’iktarx li naqgħu għal sormna.