Jekk tinzerta tkun qiegħed ħdejn xi bajja Maltija taf tara kartelluni li javzaw lil kull min bi ħsiebu jgħum illi “Topless sunbathing is prohibited”. Dejjem laqtitni din fuq ħafna livelli. L-ewwelnett għax għadna iffissati biż-żejża. L-iskop ta’ din il-projbizzjoni ma hix ċara. Hemm forsi skop sanitarju? Jista jkun li l-“awtoritajiet” qed jikkumbattu il-kanċer tas-sider – għax ħafna xemx mhux tajjeb għaż-żejża? Forsi. Jista’ jagħti l-każ ukoll li din hija projbizzjoni oħra minn dawk ibbażata fuq il-pudur ta’ ħaddieħor. Taf int. Forsi l-“awtoritajiet” qed jipproteġu lili u lilek minn xi esibizzjoni esaġerata ta’ mammarji. Big Brother is protecting you.
Fil-verita l-ebda skuża ma treġi. Għax allura għax ma tipprojbix tipjip fil-pubbliku bl-istess raġunar? U jekk se tuża l-iskuża tal-pudur mhux aħjar tgħid lil ħaddieħor iħares band’oħra? L-isbaħ “No Topless Sunbathing” fil-bajja ta’ San Ġorġ mitt metru bogħod mill-“Gentlemen’s Cubs”. M’għandux x’jaqsam ta – it-topless sunbathing mal-Gentlemen’s Club – imma xorta toħroġ idea konfuża tan-normi li jirregolawna u l-mori li jsejsuhom.
Imma barra dan kollu hemm ħaġ’oħra li tittikani. Il-projbizzjoni m’hijiex ibbażata fuq liġi li tistipula espressament li tixxemex b’sidrek mikxuf huwa illegali. Le. Il-projbizzjoni hija interpretazzjoni ta’ liġi li tistipula li tkun “indeċenti fil-pubbliku” huwa reat. Jiġifieri x’imkien hemm kejl soġġettiv illi f’daqqa waħda isir universali. Il-qrati għalhekk hemm qiegħdin – biex jinterpretaw u japplikaw il-liġi … u kulltant per forza maggiore dik l-interpretazzjoni taf biss tirrinforza l-assurd – sakemm jiġi maġistrat u jinterpreta kollox b’mod differenti.
****
Smajna li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja se tinvestiga lil Maġistrat Demicoli wara l-allegazzjonijiet ta’ Anġlu Farrugia. Qabel inkompli irrid ngħid li żewġ il-Maġistrat Demicoli huwa ħabib tiegħi (għax jidher li għal xi nies din l-informazzjoni taf tkun importanti iktar mill-fatti). Issa il-kwistjoni li għaddejja minnha il-Maġistrat hija proprju kwistjoni oħra li tirrefletti l-assurdita ta kif inħaddmu l-liġi – assurdita li ħafna drabi ikollha l-għeruq tagħha fis-sistema partiġġjana.
Il-Kummissjoni għandha kull dritt (Artiklu 101A (11) (f) Kostituzzjoni):
li tiġbed l-attenzjoni ta’ kull imħallef jew maġistrat fuq kull ħaġa, fil-qorti li fiha hu jkun ipoġġi, li ma tkunx konduċenti għal funzjonament effiċjenti u xieraq ta’ dik il-Qorti, u li tiġbed l-attenzjoni ta’ kull imħallef jew maġistrat għal xi aġir li jista’ jolqot il-fiduċja li għandu minħabba l-kariga tiegħu, jew għal xi nuqqas minn naħa tiegħu li jimxi skond xi kodiċi jewkodiċijiet ta’ etika li jkun japplika għaliha;
Mela sew. Il-Kummissjoni dehrrilha li għandha tara jekk l-aġir tal-Maġistrat Demicoli kienx influwenyat minn xi bias politiku kif allegat minn Anglu Farrugia (li barra li hu politiku hu ukoll avukat). Din l-investigazzjoni tista twassal għal “ġbid ta’ l-attenzjoni” tal-Maġistrata ikkonċernata. Nimmaġina li jiktbu ittra oħra fejn jsemmgħu il-preokkupazzjoni tagħhom dwar bias possibbli. Pero ħaġa waħda ma ddoqqlix. Sakemm ma hemmx xi prova ta’ influwenza esterna (tipo telefonati, tixħim, pressjoni mill-partiti jew Ministri jew xi ħaġa hekk), l-uniku indizju li għandha il-Kummissjoni hija l-kawża innifisha.
Is-sentenza tal-Maġistrat Demicoli hi dik li hi. Kienet waħda motivata u ma ninsewx li peress li qed nitkellmu fuq kamp kriminali qed ngħidu li irid ikun hemm każ “beyond reasonable doubt”. Dik l-istess sentenza diġa ġiet eżaminata fl-appell u diġa ingħataw raġunijiet sostantivi u raġunati għalfejn għandha tinqaleb. Li jinkwetani allura hu li l-Kummissjoni se tkun qed taġixxi bħala Qorti ta’ Appell ieħor. Jew se taqbel mal-Imħallef Mallia u jekk tagħmel hekk ikun fuq punti ta interpretazzjoni legali, jew le. Il-kwistjoni ta’ bias politiku m’għandhiex x’taqsam.
Biex nagħti eżempju fittizju, stajna kellna sitwazzjoni inversa fejn il-Maġistrat sabet lil Bartolo ħati u dan inħeles fuq Appel. Allura konna ngħidu li l-qorti tal-appell hija biased? Skond statistika li qaluli fuq xi 600 kawża appellata xi 200 jiġu mibdula fl-Appell. Dan huwa normali fl-iter legali. Il-problema ma hix il-bias potenzjal ta’ imħallef jew maġistrat imma li partit politiku (jew membru tiegħu) ħass il-bżonn li jkompli jippolitiċiżża il-qrati u jkompli jimmina l-fiduċja pubblika fil-ġustizzja. Deherli li Muscat sewwa għamel li talab ir-riżenja ta’ Farrugia għal daqshekk (ġietux ix-xoqqa f’moxxtha jew le).
Wara kollox għandna kultura miftuħa ta’ Maġistrati u Imħallfin li huma jew ta’ xi kulur jew ta’ ieħor. Mhux sigriet. Ara x’ġara ma’ l-aħħar skandlu – il-partiti jippuntaw subgħajhom lil xulxin “Dak tagħkom… appuntajtuh intom”. Sfortunatament il-verita hi dik li hi. Il-ġudikatura s’issa kienet appuntata biex jitpaxxew il-partiti. Li jiġu issa l-partiti u l-makkinarji tagħhom u jibdew jakkużaw lil min jaqblilhom b’bias politiku jikkonferma kemm aħna dilettanti tal-liġi tal-assurd.