Categories
Constitutional Development Politics

Diskors ta’ Immanuel Mifsud waqt dimostrazzjoni tan-Netwerk ta’ Soċjetá Ċivili

Diskors qed jiġi riprodott bil-permess tal-awtur.

Tliet snin ilu, fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika, il-President Coleiro Preca għamlet diskors li fih appellat lis-soċjetà ċivili biex din ixxammar il-kmiem u taħdem hija wkoll għall-ġid tar-Repubblika. F’dak id-diskors, il-President saħqet li d-demokrazija tal-pajjiż teħtieġ li s-soċjetà ċivili tkun soċjetà kritika “li tirrifjuta li tkun oġġett tal-istorja, li tinsisti li taqsam mal-politiċi r-responsabbiltà li tittrasforma l-bejta umana.”

Dak li qalet il-President ifisser, fi kliem ieħor, li s-soċjetà ċivili – aħna – għandna responsabbiltà li fil-fehma tiegħi għadna m’aħniex nieħdu u li wasal iż-żmien li verament nieħdu r-riedni li d-demokrazija tagħtina f’idejna.
Minkejja l-progress li dan il-pajjiż għamel matul is-snin, is-soċjetà ċivili għadha ma saritx soċjetà kritika. Ir-raġuni primarja għal dan hija li għadna nħallu f’idejn il-politiċi biex imexxu huma; għadna bil-ħsieb li l-pajjiż huwa tagħhom; anzi, agħar minn hekk, għadna naċċettaw li aħna tal-politiċi minflok il-politiċi huma tagħna.

Biex dak li qalet il-President tar-Repubblika tliet snin ilu mqar jibda jseħħ, jeħtieġ nitgħallmu ngħidu lill-politiċi li d-demokrazija ma tiddependix minnhom iżda mis-soċjetà kritika li ma tiddejjaqx tgħid le fejn jeħtieġ li jingħad le. Soċjetà kritika hija soċjetà li ma tiddejjaqx tikkritika lill-partiti; li temmen li l-kritika lill-pajjiż mhijiex tradiment iżda impenn; li l-partit qiegħed hemm għaliha u mhux hi għall-partit.

Snin ilu xi ħadd kien għamel diskors li fih kien elenka numru ta’ ħolmiet li kellu, ħolmiet li setgħu dehru impossibbli. Ma tgħaddilix minn moħħi li nipprova nimita dak id-diskors imma aċċettajt li niġi hawn illum – u naf li ħafna kienu dawk li ssorprendew irwieħhom li tlajt fuq dan il-palk – appuntu għaliex anki jien għandi ħolma. Jien verament nixtieq li nimxu lejn mument u sitwazzjoni li fihom is-soċjetà ċivili tkun hi li tmexxi l-pajjiż bil-ħiliet kritiċi tagħha; li dal-pajjiż ma jibqax blata b’mentalità tribali li minnha jgawdu biss dawk il-ftit li għandhom il-poter; appuntu li l-poter ma jibqax jiġi effettwat minn fuq għal isfel; li l-istudenti tagħna, fl-istituzzjonijiet postsekondarji u terzjarji ma jibqgħux ikunu politiċi billi jikkompetu bejniethom bit-tessera fil-but; li l-vot ikun verament ħieles; li l-mezzi tax-xandir, minbarra li jirrispettaw l-intelliġenza tagħna ma jibqgħux imarrduna b’din l-iskiżofrenija li fuq kollox hija giddieba; li l-libertà tal-espressjoni – il-buzzword il-ġdida – nifhmu xi tfisser eżattament u nibdew neżerċitawha b’responsabbiltà u b’kuraġġ; li għax tkun soċjetà kritika tkun, awtomatikament, soċjetà pluralista u li dan jiġi rifless mhux biss fil-ħajja ta’ kuljum imma anki fis-sala prinċipali ta’ dan il-bini t’hawnhekk.

Matul iż-żmien qalulna ħafna affarijiet: qalulna bdiet rebbiegħa ġdida; qalulna żmien il-bużullotti spiċċa; qalulna wasal terremot mill-isbaħ; qalulna li pajjiżna tagħna lkoll; li konna taħt tmexxija soda; qalulna li dan hu l-aqwa żmien. U aħna emminniehom; kull darba emminniehom. Iżda soċjetà kritika m’għandhiex taċċetta kollox kif ġie ġie: għall-kuntrarju għandha tistaqsi, għandha żżomm għajnejha miftuħa.

Iltqajna hawnhekk ukoll wara dak li ġara ftit tal-ġimgħat ilu, meta xi ħadd iddeċieda li għandu jsikket lil xi ħadd ieħor, ipoġġi bomba fil-karozza u jżid vittma oħra. L-istorja ta’ dan il-pajjiż tfakkarna, fix-xahar ta’ Diċembru, fi tfajla li fetħet pakkett li ma kellha qatt tiftħu, u f’ġuvni li qagħad sa tard filgħaxija f’kamra fejn ma kellux jibqa’, għax xi ħadd iddeċieda li jimposta l-bombi u jispara fejn ġie ġie. Persważ li nittamaw li dan l-aħħar każ ma jispiċċax bħal dawn it-tnejn: mitlufa fit-trab tal-istorja, bil-feriti miftuħa beraħ.

Bdejt billi kkwotajt lill-President tar-Repubblika u nagħlaq b’sentenza oħra minn tagħha li nħoss li għandha tiggwida u tispira t-triq ’il quddiem: “Repubblika li tibża’ mill-intellettwali, li toħnoq, tirredikola jew tinjora l-ħsieb kritiku, hija Repubblika dgħajfa u waħda li ma laħqitx il-milja tagħha.”

Grazzi ħafna.
Immanuel Mifsud
Il-Belt, 3 ta’ Diċembru 2017

Categories
Constitutional Development

Diskors Dimostrazzjoni Socjeta’ Civili

This is the speech that Antonio Tufigno read on my behalf at the Civil Society Demonstration today.

X’intom tagħmlu hawn? X’inġbartu tagħmlu għal darba oħra madwar din l-għajta għall-Ġustizzja? Għadkom ma xbajtux? Għadkom ma għajjejtux? Ħarsu waħda fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom. X’ġew jagħmlu hawnhekk dawn in-nies illum? X’inhi din is-socjeta’ civili? Għalfejn dal-kjass, dan l-istorbju kollu? Għalfejn dawn it-talbiet? Għalfejn qed ngħidu li hawn min għandu jirrizenja? Aħna jew m’aħniex f’bidu ta’ rivoluzzjoni? U rivoluzzjoni f’isem xiex u min?

Ġimagħtejn ilu seħħ assassinju oxxen. Inqatlet bl-iktar mod premeditat mara qalbiena, omm kuraġġuża u kittieba sbukkata. Ġimagħtejn ilu seħħet skossa kbir fis-socjeta’ Maltija u minn dakinhar xejn ma jista jerga’ jkun l-istess. Is-socjeta civili qamet mir-raqda twila li kienet ilha fiha. Kienet ilha ma tridx temmen u ma tridx tisma’ li l-qafas ta’ pajjiżna sejjer lura bil-ħeden.

Lura mhux f’sens ekonomiku għax dik l-illużjoni hemm għada. Le, mhux f’sens ekonomiku. F’sens ieħor. Għax filwaqt li qed ngħixu fi żmien is-surplus ekonomiku qed nassistu żmien id-deficit civiku u socjali. X’intom tagħmlu hawn? Staqsejtkom. Ħafna minnkom issa draw ilissnu l-kliem “Saltna tad-Dritt” – il-famuża “Rule of Law”. Issa li qomna mir-raqda qed nindunaw u nitgħallmu li din tfisser ugwaljanza quddiem il-liġi…

Li l-liġi hija l-istess għal kullħadd …

u li min hu fdat bit-tmexxija tal-pajjiż huwa marbut u suġġett għall-istess liġijiet daqs kull wieħed u waħda minna.

U għaliex qed nitkellmu dwar dan issa? Għaliex kellu jkun assassinju kiefer ta’ ġurnalista biex nibdew nitkellmu dwar riformi ta’ pajjiż? X’inhu in-ness, il-link, bejn ħaġa u oħra?

Matthew, Andrew u Paul – t-tfal ta’ Daphne – qalu li ma jridux biss ġustizzja penali – jiġifieri li jinstab min hu ħati tad-delitt specifiku – iżda jixtiequ riżultati iktar wiesgħa – iktar dejjiema. Jixtiequ li l-pajjiż jirritorna għal stat fejn id-dritt jirrenja – fejn kull wieħed u waħda minna iħossu cittadin liberu u cittadin li m’għandux minn xiex jibża’..

Sabiex isir dan it-tibdil, sabiex jintlaħqu dawn il-miri hemm bżonn li tqum fuq tagħha s-socjeta’ civili. Hemm bżonn li dan il-moviment magħmul minn kull wieħed u waħda minnkom ikompli jikber u jitgħallem u jemmen dak li qed jipproponi.

Għalhekk qiegħdin hawn. Qiegħdin hawn għax l-istat naqasna.

Naqas magħna lkoll. L-istat fis-sens wiesgħa tal-kelma m’għadux iservi lil pajjiż iżda kull ma jmur qiegħed iservi biss lic-crieki ta’ poter.

L-istat naqasna għax tħalla isir, jew jissawwar, sabiex jaqdi l-bżonnijiet tribalistici ta’ dawk li jifirduna. Falla għax il-kostituzzjoni u il-liġijiet tagħna baqgħu jitbagħbsu sabiex jinqdew l-allat foloz u sakemm spicca intesa’ ic-cittadin.

Għalhekk qiegħdin hawn. Għax sabiex titqajjem kuxjenza dwar dawn il-problemi hemm bżonn li l-poplu – li s-socjeta’ civili – jiftakar li huwa s-Sovran.

Iva sovran. Fis-saltna tad-dritt, dik li tiggarantilna li il-liberta’ – il-poter bażiku – jinstab fil-poplu. Dak il-poter jiġi fdat lill-politici għal peridjodu ta’ żmien u huwa dmir tagħhom li jużawh fl-interess tal-ġid komuni.

Qiegħdin hawn għax dawk li fdajnilhom il-kuruna tas-saltna tad-dritt naqsuna lkoll. Naqsuna kull darba li ippermettew li jitmermru l-istituzzjonijiet li xogħlhom kien li jipproteguna. Naqsuna kull meta ippermettew li tissikket kull tip ta’ kritika jew oppozizzjoni. Naqsuna kull meta ħadu sehem dirett f’azzjonijiet sabiex jissiktu l-kritici. Naqsuna meta biegħu il-valuri tagħna lkoll sabiex igawdu il-ftit.

Qiegħdin hawn, fl-aħħar, għax kellha tkun xokk lis-sistema bl-assassinju atroci ta’ Daphne Caruana Galizia. Issa ma nistgħu nonqsu la lilha u lanqas lil dak li ħadmet hi ukoll għalih.

Qiegħdin hawn proprju fil-belt fejn trabbiet biex l-ewwelnett ma ninsewx lil Daphne u dik il-ħidma tagħha li biha għenet biex jinkixfu l-problemi ta’ pajjiżna.

Qiegħdin hawn biex ma ninsewx. Għaliex nonqsu aħna mir-rispett lejn Daphne jekk inħallu l-memorja tagħha tintesa wara ftit żmien u jekk ma jsir xejn sabiex tinbidel is-sitwazzjoni preżenti li kienet ukoll il-kaġun li waslet għal mewtha.

Qiegħdin hawn biex inwasslu messaġġ fejn ngħidu li ilkoll kemm aħna nirrifjutaw li dan huwa THE NEW NORMAL. Li nirrifjutaw li dan huwa BUSINESS AS USUAL. Li nirrifjutaw li kull min qiegħed jgħolli leħnu dwar il-bżonn ta’ bidla jiġi sistematikament attakkat bħala traditur jew bħala partiġġjan. Li nirrifjutaw l-akkuża li xi roadmap ta’ xi politiku qed jiġi sabotaġġat b’din l-għajta għall-Ġustizzja.

Qiegħdin hawn bħala l-ewwel pass ta’ bidla importanti għal pajjiż li jrid jreġġa lura lejn is-saltna tad-dritt, bħala pajjiż fil-qalba ta’ l-ewropa b’vokazzjoni li jkun l-aqwa – iva – imma l-aqwa xempju ta’ liberta’, demokrazija u ġustizzja.

Qiegħdin hawn għal-vjaġġ twil. Il-bidla mhix ser issir minn jum għall-ieħor. Għad irridu nikkonvincu ħafna nies dwar kemm din il-bidla hija siewja għal pajjiżna, għalina u għal uliedna. Intom ilkoll li qiegħdin hawn tistgħu tkunu xhieda iżda anki attivi f’din il-bidla. Nista’ ngħidilkom li magħkom hemm ħafna Maltin u Għawdxin li, bħali,  jgħixu barra – Maltin ta’ Londra, Maltin ta’ Brussell, Maltin tal-Lussemburgu, Maltin tal-Isvizzera. Maltin li baqgħu marbuta sew ma dak li qed jiġri f’pajjiżna u li għandhom ħafna x’jikkontribwixxu għal din il-bidla.

Jien fost il-ħafna li kibru jaqraw il-kolonni ta’ Daphne fil-gazzetti u li ġejt ispirat minnha sabiex nuża l-pinna bħala arma politika.  Forsi irreciprokajt ftit din l-ispirazzjoni meta permezz tal-blog tiegħi, waqt iljieli ta’ diskussjonijiet jaħarqu fuq l-istess blog fi żmien l-elezzjoni tal-elfejn u tmienja, Daphne iddecidiet tiftaħ blog tagħha. The rest, kif jgħidu, is history.

Jien ukoll għadni immur  fuq il-blog tagħha b’mod awtomatiku sabiex nara x’inhu jiġri f’pajjiżi. Il-vojt li ħalliet warajha huwa enormi. Ma rridux ninsew li dan il-vojt inħoloq għax kienet tikteb. Għax ma beżgħet minn xejn u ħadd.

Ippermettuli insellem lill-familjari kollha ta’ Daphne f’dan il-mument. L-ebda kliem ma huma biżżejjed biex jimlew il-vojt li qed tħossu. Ma hemm l-ebda mod aħjar kif nirrispettaw il-memorja ta’ Daphne ħlief li nissuktaw f’din it-taqbida għall-Ġustizzja.

Aħna is-socjeta’ civili. Il-poplu magħqud qatt ma jkun mirbuħ.

GRAZZI.