Hemm rokna f’Paceville fejn bosta jaħilfu li raw l-aħħar tad-dinja. M’hijiex eżattament l-istess tip ta’ rokna bħal dik ta’ Adams fejn wieħed seta jitpaxxa bil-bidu u tmiem l-univers ad eternum waqt li jordna steak biċ-ċips fir-ristorant f’tarf l-univers. Le. Ir-rokna li qed nitkellma dwarha hija waħda kemmxejn mudlama għax ilhom li qatgħu qalbhom li jsewwu l-bozza f’dawk l-akkwati. X’iktarx iva milli le tkun mistura wara karozza ipparkjata eżatt mal-bankina u kemm kemm imqabbża l-barra. F’din ir-rokna ir-riħa hija waħda kiefra u tinten. Danteska. Tifwiq l-iprem għafrid imħallat mal-bass tal-iktar xitan moqżiez ma jibdewx ma riħet ir-rokna fejn tara l-aħħar tad-dinja.
Il-bankina tleqq, lixxa lixxa, għax tgħidx kemm il-boots u żarbun inkallat għadda minn fuqha u ippassiġġja. Ftit il-bogħod għandek issib ir-rifjuti u miżbla tar-ristoranti. Kaxxi mitfugħin fuq xulxin u li imtlew b’dak li ħallew warajhom il-patruni. Il-loqom u l-għadam huma t-truf liminari illi wieħed jilmaħ ftit qabel ma jassisti għat-tmiem tad-dinja qisu bħal donnu dak l-iskanetru f-nofs deżert.
Tarahom in-neofiti neżlin minn żokrot pajjiż il-ħala, ix-xorb u ż-żina. Tagħrafhom jitbandlu f’estasi mistika ta’ edoniżmu li kull ma jmur ikun qed iċedi għar-realta tal-limiti fiżiċi. L-aħħar flixkun jintelaq għal għonq it-triq u l-aħħar tazza tissabbat għal ġewwa xi parappett. Is-sigarett jintefa’ ħesrem u jitkaxkru sa tarf il-bankina fejn tibda x-xena – dejjjem jekk int tkun ippreparat.
U hemm. F’daqqa waħda – hekk kif l-aħħar qtur ta’ gost u sakra jiċċerċru minn ġewwa il-vini tal-akkolit – jinbeda r-rit. “Daqshekk”. Il-ħalfa titlissen jew imqar tinħaseb. “Qatt u qatt iżjed ma terġa tkun.” Il-wegħda solenni tiftaħ id-danzi u kull min hu preżenti jagħraf li wasal il-ħin. U fis jinstemgħu seħtiet diżumani indirizzati lejn Moloch, Baal u Jack Daniels bil-Coke. L-ewwel spażmi vjolenti taċ-ċelebrant jissarrfu f’dagħdigħa ikbar u iktar vjolenti. “Minix se mmiss grokk ieħor ma ħalqi”. Saħħa biex ilissen dik il-wegħda m’għandux iżda il-ħsieb regħedlu s-sentimenti ta’ ġismu bil-qawwa tiegħu.
Ħsiebu fis-sakra itektek bil-għawġ. Il-palpitazzjonijiet mentali jitwaħħdu mal-mewġa rabbjuża li ħierġa minn stonktu. Ma jiflaħx iktar. Qiegħed f’tarf is-sensi u dak l-univers li sa ftit ta’ ħin ilu kien il-wens u l-moħba tiegħu issa sar ħabs li bżonn għandu biss li joħroġ minnu. Dik id-dinja. Dik id-dinja mibnija b’tant investiment, grokk wara grokk, kanzunetta wara kanzunetta – dik l-istess dinja issa ried jobżoqha u jeqridha u le jerġa jara wiċċa.
U l-isplużjoni tasal. Ġismu bħal donnu jiżvojta u mal-vodka u l-martini, man-nachos u l-lumija, bħal donnu iħoss ruħu ħierġa tingħi u tipprotesta. Id-dinja spiċċat. Dak il-ħin ikun lest jaħlef li raha tintemm quddiem għajnejh. Ikun lest jaħlef li ra ‘l Alla. U ftit qabel ma jintelaq għal tulu f’nofs l-univers żgħir ta’ madwaru mitluf minn sensieh ikun lest jaħliflek li illejla d-dinja reġgħet bdiet mill-ġdid.
Hemm rokna f’Paceville fejn bosta jaħilfu li raw l-aħħar tad-dinja. Jekk tmur illejla taf issibhom għadhom qed ilestu. Tgħaġġel xejn, għada jisbaħ ukoll.