Diskors qed jiġi riprodott bil-permess tal-awtur.
Tliet snin ilu, fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika, il-President Coleiro Preca għamlet diskors li fih appellat lis-soċjetà ċivili biex din ixxammar il-kmiem u taħdem hija wkoll għall-ġid tar-Repubblika. F’dak id-diskors, il-President saħqet li d-demokrazija tal-pajjiż teħtieġ li s-soċjetà ċivili tkun soċjetà kritika “li tirrifjuta li tkun oġġett tal-istorja, li tinsisti li taqsam mal-politiċi r-responsabbiltà li tittrasforma l-bejta umana.”
Dak li qalet il-President ifisser, fi kliem ieħor, li s-soċjetà ċivili – aħna – għandna responsabbiltà li fil-fehma tiegħi għadna m’aħniex nieħdu u li wasal iż-żmien li verament nieħdu r-riedni li d-demokrazija tagħtina f’idejna.
Minkejja l-progress li dan il-pajjiż għamel matul is-snin, is-soċjetà ċivili għadha ma saritx soċjetà kritika. Ir-raġuni primarja għal dan hija li għadna nħallu f’idejn il-politiċi biex imexxu huma; għadna bil-ħsieb li l-pajjiż huwa tagħhom; anzi, agħar minn hekk, għadna naċċettaw li aħna tal-politiċi minflok il-politiċi huma tagħna.
Biex dak li qalet il-President tar-Repubblika tliet snin ilu mqar jibda jseħħ, jeħtieġ nitgħallmu ngħidu lill-politiċi li d-demokrazija ma tiddependix minnhom iżda mis-soċjetà kritika li ma tiddejjaqx tgħid le fejn jeħtieġ li jingħad le. Soċjetà kritika hija soċjetà li ma tiddejjaqx tikkritika lill-partiti; li temmen li l-kritika lill-pajjiż mhijiex tradiment iżda impenn; li l-partit qiegħed hemm għaliha u mhux hi għall-partit.
Snin ilu xi ħadd kien għamel diskors li fih kien elenka numru ta’ ħolmiet li kellu, ħolmiet li setgħu dehru impossibbli. Ma tgħaddilix minn moħħi li nipprova nimita dak id-diskors imma aċċettajt li niġi hawn illum – u naf li ħafna kienu dawk li ssorprendew irwieħhom li tlajt fuq dan il-palk – appuntu għaliex anki jien għandi ħolma. Jien verament nixtieq li nimxu lejn mument u sitwazzjoni li fihom is-soċjetà ċivili tkun hi li tmexxi l-pajjiż bil-ħiliet kritiċi tagħha; li dal-pajjiż ma jibqax blata b’mentalità tribali li minnha jgawdu biss dawk il-ftit li għandhom il-poter; appuntu li l-poter ma jibqax jiġi effettwat minn fuq għal isfel; li l-istudenti tagħna, fl-istituzzjonijiet postsekondarji u terzjarji ma jibqgħux ikunu politiċi billi jikkompetu bejniethom bit-tessera fil-but; li l-vot ikun verament ħieles; li l-mezzi tax-xandir, minbarra li jirrispettaw l-intelliġenza tagħna ma jibqgħux imarrduna b’din l-iskiżofrenija li fuq kollox hija giddieba; li l-libertà tal-espressjoni – il-buzzword il-ġdida – nifhmu xi tfisser eżattament u nibdew neżerċitawha b’responsabbiltà u b’kuraġġ; li għax tkun soċjetà kritika tkun, awtomatikament, soċjetà pluralista u li dan jiġi rifless mhux biss fil-ħajja ta’ kuljum imma anki fis-sala prinċipali ta’ dan il-bini t’hawnhekk.
Matul iż-żmien qalulna ħafna affarijiet: qalulna bdiet rebbiegħa ġdida; qalulna żmien il-bużullotti spiċċa; qalulna wasal terremot mill-isbaħ; qalulna li pajjiżna tagħna lkoll; li konna taħt tmexxija soda; qalulna li dan hu l-aqwa żmien. U aħna emminniehom; kull darba emminniehom. Iżda soċjetà kritika m’għandhiex taċċetta kollox kif ġie ġie: għall-kuntrarju għandha tistaqsi, għandha żżomm għajnejha miftuħa.
Iltqajna hawnhekk ukoll wara dak li ġara ftit tal-ġimgħat ilu, meta xi ħadd iddeċieda li għandu jsikket lil xi ħadd ieħor, ipoġġi bomba fil-karozza u jżid vittma oħra. L-istorja ta’ dan il-pajjiż tfakkarna, fix-xahar ta’ Diċembru, fi tfajla li fetħet pakkett li ma kellha qatt tiftħu, u f’ġuvni li qagħad sa tard filgħaxija f’kamra fejn ma kellux jibqa’, għax xi ħadd iddeċieda li jimposta l-bombi u jispara fejn ġie ġie. Persważ li nittamaw li dan l-aħħar każ ma jispiċċax bħal dawn it-tnejn: mitlufa fit-trab tal-istorja, bil-feriti miftuħa beraħ.
Bdejt billi kkwotajt lill-President tar-Repubblika u nagħlaq b’sentenza oħra minn tagħha li nħoss li għandha tiggwida u tispira t-triq ’il quddiem: “Repubblika li tibża’ mill-intellettwali, li toħnoq, tirredikola jew tinjora l-ħsieb kritiku, hija Repubblika dgħajfa u waħda li ma laħqitx il-milja tagħha.”
Grazzi ħafna.
Immanuel Mifsud
Il-Belt, 3 ta’ Diċembru 2017