Tismagħom jitlewmu dwar festi nazzjonali u tibda taħseb u tehwden int ukoll bla ma trid.
Jgħidulek li qabel ma sirna indipendenti konna dejjem niddependu mill-barrani. Biex ksibna l-kostituzzjoni tas-64 konna xbajna telgħin u neżlin Londra nittalbu bis-sassla. U l-kolonjalist jitnejjek bina bejn bid-‘divide and rule’, bejn bil-‘language question’ bil-Malti lingwa tal-kċina u bejn bil-poteri tal-‘gvern’ Malti jingħataw u jittieħdu skond il-bżonn.

Jgħidulek li sakemm ħadna r-repubblika fis-74 konna għadna Monarkija. Indipendenti iva imma b-wiċċ ir-Reġina tifkira ta’ passat servili ta’ ‘l fuq min 260 sena kolonjaliżmu.

Jgħidulek li sakemm ma konniex aħna li ma ġeddidniex il-kuntratt mal-qawwa Ingliża (jew forsi ma ġeddewx huma), il-barrani kien għadu parti intrinsika fil-ħajja tagħna. Konna għadna niddependu fuqu u fuq l-infiq tiegħu. Għadna imwaħħlin maż-żejża. Jgħidulna li dakinhar ħadna rajjna f’idejna meta ħlisna mill-barrani. Dakinhar, jekk temminhom, il-Malti seta’ jibda jgħix u jkun hu biss responsabbli (u ħati) tan-nisġa tad-destin tiegħu.
Jgħidulek li mingħajr l-indipendenza, mingħajr ir-repubblika, mingħajr il-ħelsien ma konniex inkunu n-nazzjon jew ‘ġens’ li aħna. Kważi kważi iridu jiddefinixxu lil pajjiżna b’dawn it-tlett avvenimenti.
Jgħidulek dan kollu… imma allura qabel… ma konna xejn?
