Categories
Arts

Investiment Kapitali

 

X’inhu dak li jagħmel ktieb tajjeb? Hawn min jgħidlek li ktieb tajjeb iżommok taqra’, ma tkun trid tniżżlu b’xejn. Hawn min jgħidlek li l-istorja kollox, li dak li jkun qed jgħid l-awtur jolqot xi ħaġa ġo fik. Hemm imbagħad il-ktieb tajjeb għax tixtieq li jkompli anki meta iddawwar l-aħħar paġna, għax l-awtur ikun irnexxilu b’xi mod jnibbet kurżita’ fir-rakkont tiegħu. Hekk ġrali b’Kapitali.

Qrajt il-ktieb fi tlett intervalli qosra. Bdejtu tard billejl dakinhar stess li xtrajtu – kwarta kollox kemm inbill subgħajja fl-istorja u nara tħajjarnix. Komplejtu fuq żewġ titjieriet li wassluni lura Lussemburgu minn Malta wara żjara qasira tul tmiem ta’ ġimgħa. It-timing kien perfett. Kont ġejt Malta għal Konferenza dwar il-Ġurnaliżmu Ċiviku u kienet l-ewwel żjara tiegħi minn mindu seħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruna Galizia.

Kont wasalt Malta b’taħlita ta’ ħsibijiet. Ilni ngħix barra minn pajjiżi għal kważi erbatax-il sena u l-immaġni – l-idea – li għandi ta’ pajjiżi saret tiddependi ħafna fuq il-perċezzjoni virtwali li tintema’ kull tant minn kitbiet u projezzjonijiet diversi. Dan l-aħħar il-perspettiva li kienet qed tasal ma kienitx sabiħa wisq. Malta kienet saret pajjiż aljen – agħar minn hekk, il-Malti kien sar aljen. Ma għadnix nifhem ir-raġunar tal-Malti. Filwaqt li nista’ nitħaddet dwar politika u kostituzzjonijiet u pjanijiet b’ċerta ħeffa sirt naċċetta li rrid inħabbat wiċċi mar-realtajiet (u non-realtajiet) tad-dinja Post-Truth (post verita’).

Anki Wayne Flask jagħmel parti minn din id-dinja. Bħali, Flask iħobb ibill subgħajh fid-dinja tas-satira u forsi jaħsibha bħali li s-satira taf tgħinek tifhem mill-ewwel dak li qed jiġri fid-dinja li mingħaliha qed tieħu lilha innifisha bis-serjeta’. Kapitali hu xogħol satiriku l-ewwel u qabel kollox. Importanti li żżomm dan f’moħħok int u taqra. L-istorja pjuttost mexxejja hija nisġa ta’ karikaturi fuq steroids. M’humiex sempliċi karikaturi imma huma ġabra ta’ persuni imwaħħda f’maskra grotteska.

Il-Latin (persona) u l-Griegi (prospon) tawna il-kelma għal “persuna”. Għall-bidu il-kelma kienet tintuża biex tirreferi għall-maskra fuq il-palk. Din żviluppat fil-kunċett filosofiku tal-persuna u imbagħad saret tintuża bħal ma nafuha illum. Iż-żewġ politiċi prinċipali f’Kapitali – rappreżentanti virtwali taż-żewġ dinjiet politiċi f’pajjiżna – huma maskri kumplessi u sempliċi fl-istess ħin. Kumplessi għax huma kalejdoskopju u mużajk ta’ partijiet mislufa sabiex iffurmaw żewġ “Frankensteins”. L-iskuża tas-satira tippermetti li nibqgħu inħarsu lejhom bħala persuna waħda iżda, int u taqra, jiġuk flashbacks ta’ ż-żmien qabel il-Post-Truth u tagħraf issa lil dan il-politikant, issa lill-ieħor.

Sensiela ta’ ritratti Polaroid huma mifruxa tul ir-rakkont u Flask ma jkollux bżonn l-iskuża għajjiena tal-oġġettivita’ u par condicio li wisq drabi tiżżeffen fin-nofs f’diskursati u analiżi tal-qagħda imwiergħa u marida tal-ħsieb politiku Malti. L-istorja innifisha tiżfen bejn il-possibbli u l-impossibbli, bejn il-conspiracy theory u r-realta’, bejn il-frott tal-immaġinazzjoni u l-kronaka. Tista’ tagħmel hekk għax huwa xogħol satiriku – kull riferenza għal persuni veri hija intiża imma maħfura. Inċensurabbli.

Il-liċenzja satirika tippermetti lil Flask jdeffes teoriji (li jista’ jkun li jemmen li huma veri) dwar l-operat tal-partiti politiċi f’pajjiżna. Ngħid għalija iggustajt l-iperbole illi biha ġiet ittrattata l-influwenza tal-partiti politiċi ġewwa l-Universita’. Id-diskors kollu dwar l-SDM, il-Pulse u l-infiltrazzjoni saħansitra fl-Uffiċċji tal-Graffiti. Jaf kien Polaroid ieħor, jaf ukoll kienet doża qawwija ta’ steroids satiriċi – jiddependi liema perijodu qed jiġi deskritt.

Imma dik tal-istudenti hija biss osservazzjoni tiegħi, personali. Kapitali hija dawra rollercoaster vibranti madwar ħafna (sur)realitajiet Maltin. Id-dubbiena Flask tidħol fl-intimu tal-istudent, tat-tabib, tal-membru parlamentari, tal-pulizija, tal-menti internazzjonali u tal-ħalliel u tislet dak li hemm bżonn sa ma tinqabad hi stess fl-għanqbuta minsuġa mill-brimba li hija s-soċjeta’ Maltija.

“Kulħadd għandu xi ħaġa x’jaħbi/Kullħadd għandu prezz.”

Il-konklużjoni fid-dinja satirika tikxef id-DNA tal-ġenerazzjoni post-post-moderna. This is what makes us tick. Il-ġenerazzjoni tiegħi għal mument qasir ħafna kienet mingħaliha issieltet għall-futur. Mingħaliha li rnexxilha twarrab għal dak il-mument qasir il-partiti u l-kilba tal-flus, u minflok ħarġet fit-toroq bis-sejħa għall-investiment fil-futur, investiment fil-ġejjieni. Il-ġenerazzjoni tiegħi għaddiet qisha leħħa ta berqa u ta’ warajna għamlu bħal ma għamlu ta’ qabilna u komplew jinsġu dik is-soċjeta’ li tant irnexxilu jikkarikaturizza tajjeb Wayne Flask. Kullħadd għandu prezz. L-investiment huwa wieħed. Deficit soċjali. Defiċit kulturali. Defiċit tal-valuri. Imma Investiment Qawwi Kapitali.

“There are crooks everywhere you look now. The situation is desperate”.

Is-sentenza konklużiva fi blog maħbub u mibgħud fid-dinja (sur)reali tikxef ir-riżultat tal-ħidma interġenerazzjonali fid-dinja post-post-moderna. This is what we have brought onto ourselves. Soċjeta’ u nazzjon li mhux veru għandu r-riedni ta’ pajjiżu f’idejh. Il-kilba għall-poter, frott ta’ trawwim pervers partiġjan, wasslet biex waslu l-iljuni fostna. Iddaħħlu fiż-Żiemel ta’ Trojja frott l-idolatrija. L-imrieħel tan-ngħaġ issa bdew jiftħu għajnejhom u qed jindunaw li s-sitwazzjoni iddisprata. Hemm min ma jridx jaf, u jiċħad. Hemm min lest għal battalja oħra, minkejja li l-odds huma kontra.

Kapitali ma setax ħareġ fi żmien aħjar. Mhux l-Aqwa Żmien, biex niftiehmu imma żmien fejn hemm bżonn li kemm jista’ jkun mirja jittellgħu quddiem il-poplu sabiex iħares ġewwa fihom u jipprova jagħraf lilu nnifsu. Kapitali huwa prodott ta’ żmienu daqs kemm jista’ jkun parti mir-reazzjoni ta’ kontra żmienu.

Ma tagħmilx ħażin toħroġ tixtrih illum qabel għada. U taqrah. Investiment… Kapitali.

La paranoia della cospirazione universale non finirà mai e non puoi stanarla perché non sai mai cosa c’è dietro. È una tentazione psicologica della nostra specie. Berlusconi ha passato tutte le sue campagne elettorali a parlare di doppia cospirazione, dei giudici e dei comunisti. Non ci sono più comunisti in circolazione, nemmeno a cercarli col lanternino, eppure per Berlusconi stavano tentando di conquistare il potere. (Umberto Eco)