F’Awwissu tiskadili il-karta tal-identita. Kont qed intella u nniżżel għandix inġeddida.
Kulltant itik li tieqaf ftit. Hemm bżonn. Ħalli kif ngħidu aħna z-zingari “issorbixxi” aħjar dak li qed jiġri . Ovvja li jekk titkellem ma tistax tisma’, jekk tlissen ma tagħtix widen u jekk fid-daqqa u il-waqt tarma tgħajjat jiefqu jagħtu kasek. Allura tieqaf u “tipploka”. Għax hemm bżonn.
Tmien snin ilna. Aħna li tlaqna minn artna nesploraw u ninvestigaw il-ħajja lil’hinn min żokrot l-univers. Tmien snin li fihom skoprejna univers ieħor. Iġġerrejna tul il-kontinent il-qadim nitmattru fejn irridu u ngawdu il-ftuħ, il-wesgħa u d-differenza. Meta l-kontinent ma wesagħniex iktar morna niġru infittxu il-biżlejn għammiela ta’ kontinent ieħor – għatxana għall-għerf bħal kull filosfu erranti tas-seklu elfejn lebbitna ‘l hawn u ‘l hinn biex forsi narmu minn fuqna dik l-għera li konna tgħabbejna biha minn twelidna u li f’daqqa konna sirna wisq konxji taghħa.
Pijunieri konna. Kburin u imżatta. Tlaqna niġru meta qajla konna indunajna bil-ġmiel tal-mixi. Bnejna artali ġodda fl-eteru u ġibna ruħna bhal mitt papa – ilkoll nippontifikaw. Bħal Raleigh li ġie lura mill-kontinent ġdid bi pjanti ta’ tabakk u patata sirna għorrief tal-botanika. Mhux għax ma kellniex raġun. Tafu kif jgħidu l-Ingliżi… in the land of the blind, the one eyed man…. Hemm aħna – Ċiklopi -għaddejjin nippontifikaw. Sirna enċiklopediċi.
Sadattant f’żokrot l-univers rawna, iggustawna imbagħad beżqulna u beżquna. Ikkuppjawna, kasbru u kissru l-mini-artali ta’ progress li konna tant nittfanntsu bihom. Kull deni ħadnieh b’ġid. Komplejna kwieti għax konna ilna li għarafna li dak kien parti mid-destin miktub f’demm niesna. Destin li qatt ma jippermetti tkabbir magħqud imma tkissir imfarrad u maqsum. Dak ma kienx l-ikbar dispjaċir.
L-ikbar dispjaċir ħadnieh dan l-aħħar. Meta indunajna li konna ilna li xeddejna ilbies il-pijunieri, uniformet l-esploraturi, togot l-enċiklopediċi. Indunajna li konna tgħażżinna. Tlifna l-għatx għall-għerf u għal oħtu il-mistoqsija. Lanqas ma kien għad hemm lok għall-poeżija tal-elf għaliex. Ma konniex tgħaġinna fid-dinja ta’ barra fejn konna tfajna il-kappell. Le l-ebda Dukat ma qatt kien ser jissejjaħ darna. Imma konna tgħażżinna. U għal mument tlifna kull interess f’dak li kien qed jiġri f’żokrot l-univers.
Allura tieqaf. Pawża meħtieġa sakemm tirranġa il-kumpass, taħsel l-uniformi u traqqam it-toga. Hemm bżonn. Ilna tmien snin issa li tlaqna min xtut artna. Jekk il-pass li jmiss għadu mhux ċar allura trid tieqaf u tipploka u issorbixxi.
Narawkom daqt.
Qabel Awwissu se nġedded l-ID Card. Biex tagħmel parti mill-Unjoni Ewropea trid l-ewwel tagħmel parti min pajjiż. Biex tivvjaġġa fiż-żona Schengen mingħajr passaport kull m’għandek bżonn hu ID Card (jew liċenzja tas-sewqan)… biex titlaq iddur fl-Ewropa trid tibda minn x’imkien.
U l-bidu dejjem kien ser ikun żokrot l-univers….
Din il-bloggata hija dedikata lill-Maltin ta’ barra u b’mod speċjali lil dawk li telqu minn Malta fl-ewwel nofs tas-sena 2004. Dan il-blog ser jieħu pawża qasira. Ir-ritratt huwa ritratt tal-belt ta’ Lussemburgu meħud mis-sema.