Categories
Politics

Toroq fil-baħar

Il-fekruna għażlet il-Ġnejna biex tħalli erba’ bajdiet fir-ramel qabel lebbtet lejn il-baħar frisk u nadif ta’ l-ewwel jiem tas-sajf. Ma naħsibx li jeżistu fuljetti informattivi li jitqassmu fost il-fawna Mediterranja li jgħarrfu lil klijenti prospettivi dwar l-aħjar post fejn titfa’ bajdtek u tħalli ‘l uliedek jittantaw xortihom. Is-sinjura Fekruna ma tistax tistħajjilha f’xi kont ta’ Lewis Carroll tikkonsulta l-brochures splendidi tal-Malta Tourist Association iħeġġu l-koppji fkieren żgħar jiġu bi ħġarrhom jrabbu familja (jew mill-inqas iħalluha tfaqqas) ġewwa l-gżira ta’Pawlu.

Għażlet il-gżira ta’ Franco u ta’ Richard minn jedda il-fekruna. Forsi kien att ta’ disperazzjoni – kif iktar tispjega fatt li kien ilu ma’ jseħħ mis-sittinijiet? Il-fkieren kienu donnhom ddikkjaraw bojkott tal-gżira meta raw n-nies jindifnu fil-miżbla. “Le xbin tlaqna lejn l-Ellespontu u l-gżejjer tagħha hawn m’hawnx ħlief oqbra imbajda u qniepen.” Għadda ż-żmien u l-fekruna donnha tittanta xortiha. Ilna minn żmien Rio ’92 ma nduqu soppa tal-fkieren. Issa illegali. Għaldaqshekk kolloxsew. M’hemmx ċans li t-tfal tagħha jispiċċaw f’xi bouillabaisse post-modern f’xi ristorant mibni fuq il-foreshore kifsuppost.

Kienet taf forsi bil-programmi estensivi ta’ Joseph? Saret taf li ħadd ma hu se jitħalla joqgħod lura f’Malta progressiva? Kienux is-sireni progressivi li saħħruha bil-kant ta’ Tagħlim, Taħriġ u Xogħol? Ifhem, l-Ellespontu kien ilu ma jbandal hekk minn żmien Xerxes. Għadhom sa’ llum jiddu f-widnejn il-fkieren il-ħoss tal-frosta inkazzata u rrabbjata tfaqqa’ fuq wiċċ il-baħar. Illum hemm problemi oħra. Flus ma hemmx. Futur ikreh. Aħjar immorru Malta fejn minkejja kull sforz tal-iżolani li jitfgħu il-knaten fuq saqajhom l-affarijiet jidhru mexjin sew.

Imma żgur sinjura fekruna? Tifhimnix ħażin. Wara kollox ħaqqek grazzi talli għażilt gżiritna biex tiżra t-tama u l-ħajja. Imma din mhux gżira ta’ ward u żahar. Ilna nitfgħu knaten fuq saqajna. Fil-parlament mhux talli ma kibrux fjuri imma issa intlejna kakti u tingiż. Mhux dik l-agħar sinjura, l-agħar x’ħin tara l-kilba għall-poter u d-dominju tal-assurd. L-assurd iqarrabna wisq mad-dinja ta’ Carroll u Vargas Llosa. Ħarġu l-iskieken, sinnewhom sew u d-demm iċċarċar fuq l-artal ta’ l-ugwaljanza.

Għax f’din il-gżira sinjura fekruna l-ilsna tal-bejjiegħa tal-ħolm jidilkuk bil-għasel tal-wegħda ta’ prosperita. Jgħannu l-għanja tal-ħelsien mill-jasar immaġinarju li għaġġnu f’moħħom biex bħal speċi jiġġustifikaw il-qagħda tagħom. Imma mill-kliem għall-fatti hemm baħar jaqsam. U x’baħar dak. Il-progress f’dan il-pajjiż ma jfissirx li tqiegħed lil kullħadd f’kundizzjoni li jtejjeb ruħu. Ma jfissirx meritokrazija. Il-progress għandu l-minġel f’idejħ u jekk int tajjeb iżżejjed, jekk b’ħilitek inqtajt mill-folla issibu jistennik – u b’daqqa waħda jaqtagħlek saqajk. Hekk… issa ġejt daqs ħaddieħor. U hekk kullħadd l-istess. Kullħadd kuntent. Progress achieved.

Prosperity or egalitarianism — you have to choose. I favor freedom — you never achieve real equality anyway: you simply sacrifice prosperity for an illusion.” – Mario Vargas Llosa

Żgur sinjura fekruna li se tħalli ‘l uliedek hawn fostna? Iva ħallejna gwardjan magħhom lejl u nhar biex żgur ix-xorti xxaqleb favurihom. Bil-bouncer 24/7 fuq ramlet artna. Imma barra minn fuqhom li jikbru u jitgħallmu u jsiru intelliġenti. Barra minn fuqhom li b’ħilithom isibu xogħol imħallas tajjeb. Għax hemm isibuħ il-progress jistenna bil-minġel ileqq f’idu. Minġel ikreh li jixxejjer bid-dagħdiha tal-għira u l-inkapaċita tal-injurant. Jekk hemm bżonn nipprostitwixxu parlament sabiex nitkażaw jekk taqlax iktar mill-President . Hemm aħna sinjura fekruna… imbasta ħadnilek ħsiebhom sakemm nibtu… imma jżabbu jmorru aħjar minna.

Wara kollox x’iriduhom dal-flejjes kollha? Bil-flus tagħmel biss toroq fil-baħar, u x’iżżobb se nagħmlu bihom dat-toroq eh?

Aqdef ja bagħla aqdef.