Categories
Euroland Values

L-Ewropa ta’ Toni u Fred (I)

Xtaqt nibda billi inkellimkom dwar Tariq Ramadan. Huwa doċenti universitarju ġewwa l-universita ta’ Oxford fejn huwa professur ta’ l-istudji iżlamiċi kontemporanji (Kulleġġ ta’ St Antony ġewwa l-istitut ta’ l-istudji orjentali). Ramadan ma hux biss professur universitarju għax hu ukoll persunalita medjatika bi preżenza qawwijja fuq il-mezzi tax-xandir dinjija (mis-CNN sa Al-Jazeera sa TV Iranjani) fejn sikwit ikun preżenti jiddiskuti l-islam fis-soċjeta kontemporanja – b’mod partikolari fis-soċjeta ewropea.  Ħafna misilmin Ewropej iħossu li Ramadan huwa rappreżentant den tal-kawżi u drittijiet tagħhom.

Jekk tfittex ismu fuq youtube issib ħafna interventi tiegħu f’dibattiti u programmi televiżivi u personalment insib li huwa tajjeb li wieħed josserva dawn l-interventi tiegħu biex ikollok perspettiva differenti ta’ kif persuna ta’ twemmin li ma hix nisranija (s’issa t-twemmin dominanti Ewropew) tħabbat wiċċa ma sitwazzjonijiet fejn il-prinċipji, valuri u morali tagħha ikollhom jinsiltu minn ġo soċjeta li trid jew ma tridx kull ma jmur qed issir iktar u iktar eteroġeneja. Ara per eżempju dan il-vidjo qasir:

F’sens liberal-demokratiku ma tistax ma taqbilx mal-konklużjoni kemmxejn relativista ta’ Ramadan. “Live and let live” tinstema soluzzjoni tajba ħafna għall-għawġ kollu imma ikun hawn min jgħidlek (bir-raġun) illi s-sinsla tradizzjonali tal-Ewropa qed jitherrew b’dak il-mod. Tħarsux biss lejn kwistjoni ta’ omosesswalita. Rajt lil Ramadan jiddiskuti l-obbligu tal-velu u d-dritt li nisa misilmin jilbsu il-velu anki fil-pixxini pubbliċi. Ħin minnhom waqt li kien qed jiġi interpellat b’mod pjuttost vivaċi minn ġurnalista qalilha ħaġa li għalijja kienet familjari ħafna. Qal: “Allura biex inkunu liberali u tolleranti b’bħalek irridu nobbligaw lil kullħadd jgħum mingħajr velu?” Hemm hi. Arma komuni dan l-aħħar, nasba li taqbad lill-liberali dgħajjef fl-argumenti imma ferventi fil-proselitizzazzjoni… bl-iskuża tat-tolleranza jispiċċa isir iktar intolleranti.

Imbagħad jgħidlek Tariq li l-Lhud kienu ilhom għexieren ta’ snin bil-ħinijiet differenti għan-nisa filgħodu fil-pixxini pubbliċi imma “ħadd ma qajjem għagħa fuqha”. U jidħlu elementi oħra ta’ tipi oħra ta’ diskriminazzjoni u ta’ tolleranza u l-kobba tibqa titħabbel.

Fil-verita il-kwistjoni qiegħdha f’għażla ta’ soċjeta. Il-kuntratt soċjali impliċitu jimplika qbil fuq tip ta’ soċjeta li trid titfassal. Diskussjonijiet dwar normi u valuri li huma neċessarji għas-soċjeta għandhom jitqiegħdu f’dan il-qafas iktar wiesgħa. X’irridu mis-soċjeta tagħna? Fejn hi sejra bħalissa? B’liema valuri irridu inrawmu lit-tfal? Jekk trid eżempji estremi issib kemm trid bħall-iSpartani antiki li kellhom sistema tagħhom ta’ l-ewġenika. Trid soċjeta li tindokra lil membri tagħha jew waħda li toħloq biss il-“level playing field” utopiku biex imbagħad titlaq lil kullħadd f’tellieqa?

Din id-diskussjoni (u għażla) ma ssirx biss meta tinħoloq soċjeta ġdida b’għanijiet ġodda iżda hija waħda kontinwa. L-irwol ta partiti politiċi u membri tagħhom huwa li jkunu katalisti f’din id-diskussjoni. Li qed jiġri hu li l-valuri u prinċipji tilfu l-importanza tagħhom u saru sekondarji għat-tellieqa għall-poter. Wisq drabi ikollhom isiru kompromessi tal-kuxjenza (jekk ikun għad baqa kuxjenza) u kull ma jmur d-diskussjoni formattiva – dik li ssawwar is-sisien li fihom titrawwem is-soċjeta ma hix qiegħdha issir. Issir biss metadiskussjoni b’dak li jissejħu “catchwords” illi huma tifkira imbiegħda (souvenir) ta’ żmien ieħor meta l-valur kien sovran u l-bniedem kien verament uman – verament umanista.

Diskussjoni ma hix ġlieda biex timponi jew tolleranza relativista li iddgħajjef imma proċess soċjali meditattiv u ta’ żvilupp li jwassal għat-tisħiħ tal-membri kollha a prescindere mit-twemmin u ħsieb individwali tagħhom. Allura iva, meta Tonio Borg iqum fil-parlament u jħeġġeġ lill-membri kollha sabiex “iħaddnu t-twemmin tagħhom” huwa mhux biss xieraq imma neċessarju. Imma dak huwa l-ewwel pass biss. Li tagħraf li twemminek ma hux universali u li tkun lest tiddiskuti, tinvestiga u tistħarreġ l-aħjar mezz kif bi twemminek u forsi ukoll bl-input ta’ twemmin ħaddieħor ittejjeb il-qagħda soċjali huwa t-tieni pass.

Dak il-pass kif se naraw ma hux ħafif. Huwa pass mimli riflessjonijiet, ftuħ għal ideat u iva… fejn hemm bżonn… kompromessi.